Il-pulizija ghadha ma tafx fejn jinsab l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, Jeremy Harbinson. Dan sar magħruf ilbieraħ fil-Qorti meta kompla jinstema’ l-każ fil-konfront ta’ numru ta’ persuni fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Fis-seduta tal-bieraħ, is-Supretendent Mario Cuschieri mill-korp tal-Pulizija qal li fil-11 ta’ Mejju li għadda, il-pulizija Olandiża għamlet kuntatt mal-pulizija Maltija biex tinfurmahom li l-jum ta’ qabel, fl-10 ta Mejju, Jeremy Harbinson kien twaqqaf bħala parti minn border check, fl-ajruport ta’ Schiphol f’Amsterdam fl-Olanda. Harbinson intalab jagħti indirizz fejn jgħix u lill-pulizija Olandiża, għaddielhom indirizz fl-Irlanda ta Fuq.
Għall-mistoqsijiet tal-avukati tad-difiża, kemm l-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif ukoll is-Supretendent Cuschieri kkonfermaw li l-indirizz mogħti minn Harbinson kienu diġà jafu bih. Il-Maġistrat Lara Lanfranco rrimarkat li l-espert Irlandiż diġà ġie notifikat żmien ilu fuq dan l-indirizz bil-għan li jaghti x-xhieda tiegħu quddiem il-Qorti Maltija.
Għal iktar mistoqsijiet, is-Supretendent Cuschieri qal li l-pulizija Maltija ma tafx jekk Harbisnon kienx dieħel l-Olanda jew jekk kienx ħiereġ u ma tafx lanqas jekk wara marx f’xi pajjiż ieħor. Qal ukoll li sal-lum il-pulizija għadha ma tafx fejn jinsab bħalissa l-espert Irlandiż u m’għandha l-ebda informazzjoni ġdida dwaru li setgħet irriżultat mis-sistema li tħaddem l-Interpol. Fil-fatt il-pulizija m’għandha ebda informazzjoni dwar jekk Harbinson twaqqafx xi darba iħra wara li kien fl-Olanda.
L-Avukat Vince Galea li qed jidher f’isem Dr Muscat, staqsa lis-Supretendent Cuschieri jekk huma rċevewx xi dokumentazzjoni mingħand Harbinson innifsu jew mingħand xi rappreżentant tiegħu. Waqt li s-Supretendent Cuschieri wieġeb fin-negattiv, l-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma intervjenewx.
Fi tmiem is-seduta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali talab lill-Qorti sabiex tqabbad persuna bil-għan li ssir traduzzjoni għall-Ingliż ta’ xi karti fil-lingwa Ġermaniża li ntbagħtu lilhom mill-awtoritajiet tal-Iżvizzera b’rabta mal-eżekuzzjoni parzjali ta’ ittra rogatorja.
Il-każ ġie aġġornat għal tliet xhur ohra, fl-14 ta’ Ottubru.
Għar-rapport tal-inkjesta Vitals, Jeremy Harbinson tħallas €11-il miljun. L-inkjesta, ordnata mill-Magistrat Gabriella Vella, damet għaddejja ħames snin u kienet ippubblikata fil-bidu ta’ Mejju tal-2024. Iktar tard fl-istess xahar meta kien fadal biss ftit jiem għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, tressqu l-Qorti u kellhom l-assi ffriżati.
Minkejja li għaddew iktar minn sentejn, Harbinson sa issa baqa’ dejjem jirrifjuta l-ordnijiet tal-Qorti li jixhed dwar rapport li tiegħu huwa kien l-espert ewlieni.
