Sunday, November 24, 2024

Jgħid li ħalla rigal fuq l-għatba ta’ residenza għax ra lill-boxer Conor McGregor

Aqra wkoll

Raġel ta’ 31 sena residenti Santa Venera ammetta fil-Qorti li fl-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena daħal fir-residenza privata tal-familja tal-Kummissarju Ewropew Helena Dalli u li ħallielha basket bid-droga u nota b’theddida.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexija mill-ispettur Stephan Gulia spjegat l-akkużat qal mal-Pulizija li għamel li għamel għax skontu ra lill-boxer Conor McGregor ħiereġ mir-residenza u xtaq iħallilu rigal fuq l-għatba.

Meta mistoqsi mill-Pulizija, l-akkużat qal li la kien ja li r-residenza hija tal-familja Dalli u lanqas li kellu l-intenzjoni li jagħmel xi ħsara personali jew fil-konfront ta’ xi persuni. Fil-Qorti, intqal ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużat hedded xi persuni, fosthom personalitajiet maltin li jaħdmu fuq ir-radju.

Il-Qorti ordnat li s-sentenza tingħata, ġaladarba jitħejja r-rapport mill-uffiċjal tal-probation. Dan wara li d-Difiża ddikjarat li l-akkużat huwa skizofreniku u li minħabba f’hekk għandu bżonn kura psikologika. Intqal ukoll li l-akkużat kien rikoverat għal diversi drabi fl-isptar Monte Carmeli.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Yanica Micallef Stafrace, ordnat li l-akkużat jingħata ordni ta’ trattament minn psikjatra fl-isptar Monte Carmeli. Il-Maġistrat ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-familja Dalli u favur persuna li kienet qed tiġi mhedda fuq Facebook mill-akkużat

L-akkużat deher assistit mill-Avukati Roberto Spiteri u Micheal Sciriha. Għall- familja Dalli qed jidher l-avukat Franco Debono u Marion Camilleri.

Sport