Wednesday, October 9, 2024

Luca Vella u Leia Summer Madden jirbħu l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar ta’ Awwissu

Aqra wkoll

Luca Vella u Leia Summer Madden jirbħu l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar ta’ Awwissu

Luca Vella (Open Water Swimming) u Leia Summer Madden (Karate) huma r-rebbieħa tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Awwissu 2024.

Luca Vella li ghandu 18-il sena, rebaħ għat-tielet darba il-Kampjonat Nazzjonali tal-Għawm Open Water, wara li kien rebaħ dan l-istess titlu fl-2021 u fl-2023. Luca kien dejjem konsistenti u rebaħ is-sitt itlielaq, fejn ħamsa kienu fuq distanza ta’ żewġ kilometri u l-aħħar waħda ta’ erba’ kilometri. Fl-aħħar tellieqa kellu ħin ta’ 56 minuta u 49 sekonda fejn qabeż biss bi tliet sekondi lil Sam Camilleri.

Min-naħa l-oħra Leia Summer Madden li għadha kemm għalqet 13-il sena, rebħet il-midalja tal-fidda meta ġiet fit-tieni post fil-World Karate Federation Youth League li sar f’Cancun fil-Messiku. Għal Malta din kienet l-ewwel midalja mirbuħa f’din il-kompetizzjoni. Leia kienet dominanti fejn għaddiet mit-tliet rawnds, iżda fil-finali ġiet megħluba mill-Amerikana Elina Balint bl-iskor ta’ 7-2. Ta’ min jgħid li f’Awwissu tas-sena l-oħra, l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar intrebaħ minn Thyis Antonelli, li wkoll tipprattika l-Karate.

Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u CEO ta’ Atlas Insurance, flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba lokalment u internazzjonalment matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet iridu jkunu għal atleti ta’ taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email fuq [email protected]. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu f’dan il-link https://www.maltasportsjournalists.com/atlas-youth-athlete-of-the-month-rules-and-regulations/

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport