Tuesday, April 30, 2024

Jgħix f’appartament bla servizz tad-dawl u ilma

…It-tribunal jgħid li r-raġel qed f’sitwazzjoni prekarja

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-appartament mhux miżmum. La hemm servizz ta’ dawl u lanqas ta’ ilma. Ir-raġel li jgħix fih Paul Marmara, jiddikjara li kellu problema tal-logħob u waqa’ lura fil-ħlas tal-kera. Jiddikjara li hu baqa’ dejjem jgħix f’dan il-post mikri mingħand l-Awtorità għad-Djar.

It-Tribunal quddiem l-evidenza ippreżentata qal li “s-sitwazzjoni tar-raġel, m’hi xejn feliċi u huwa verosimili li jgħix f’dawn il-kundizzjonijiet prekarji u li ladarba m’għandux il-mezzi biex ikollu s-servizzi tad-dawl u l-ilma, peress li hemm kontijiet pendenti, allura huwa kostrett jgħix f’dawn il-kundizzjonijiet, li biex itaffihom jagħmel kemm jista’ jkun ħin barra mill-fond u jirritorna fih biss biex jorqod”. It-tribunal iħassar u jirrevoka l-iżgumbarament.

Mis-sentenza tat-Tribunal jirriżulta li r-raġel  jgħid li  ilu joqgħod fil-fond in kwistjoni madwar tletin  sena u qatt ma ċċaqlaq minn hemm ħlief forsi biex imur jara t-tfal barra minn Malta.

Spjega wkoll li l-korrispondenza kollha, mingħand Dipartimenti tal-Gvern u istituzzjonijiet oħra, jirċeviha fil-fond in kwistjoni. Xehed li jaħdem regolari u wara l-ħin tax-xogħol imur ġewwa ħanut il-Belt u jmur id-dar biss biex jorqod. Huwa kompla jgħid li kellu problema tal-logħob 

u għalhekk kien waqa’ lura f’xi pagamenti tal-kera. Spjega li huwa qatt ma rċieva interpellazzjonijiet biex jiżgombra qabel sab karta mwaħħla mal-bieb tad-dar u mar għand l-avukat biha. 

Intqal li b’ittra datata 6 ta’ Ġunju tas-sena 2016 l-Awtorità tad-Djar informatu li ma kinitx l-intenzjoni tagħha li ġġedded il-kirja u talbitu jirritorna ċ-ċwievet . Però jirriżulta li l-Awtorità  ma pproċedietx immedjatament għall-iżgumbrament.

It-Tribunal jirrileva li l-Awtorità intimata ma ppreżentatx ittra tat-23 ta’ Ġunju 2016 li allegatament ġiet riċevuta minnha da parti tal-avukat tar-raġel. Esebiet biss ir-risposta tagħha fejn infurmat lill-istess avukat li r-raġel mhux qed jokkupa l-fond regolarment, li kien hemm arretrati ta’ kera x’jitħallsu, però talbet ukoll sabiex ir-raġel ipprovdilha l-kontijiet tad-dawl u ilma. 

It-tribunal qal li kieku l-Awtorità kienet deċiża fl-intenzjoni tagħha kienet tibqa’ tinsisti li r-raġel jirritornalha ċ-ċwievet u mhux tistiednu jibgħatilha l- kontijiet tad-dawl u ilma. 

Issemma li fl-2016, l-Awtorità wettqet ħames spezzjonijiet filgħodu fejn ir-raġel ma nstabx id-dar u oħra fl-2020 fejn meta ġie nfurmat bl-ispezzjoni, huwa mar fil-fond wara ftit ħin.

Illi l-uffiċjal li għamel dawn l-ispezzjonijiet ħa xi ritratti tal-fond meta spezzjonah fl-2020. It-Tribunal josserva li ma ngħatat ebda spjegazzjoni għala fil-ħames spezzjonijiet li saru fl-2016 l- uffiċjal inkarigat ma għamilx kuntatt mar-raġel kif għamel fl-2020. 

It-Tribunal iqis li biex isiru spezzjonijiet kif għandhom isiru, dawn m’għandhomx isiru biss fil-ħin ta’ filgħodu meta n-nies ikunu għax-xogħol jew jagħmlu l-qadi tagħhom. L-ispezzjonijiet għandhom isiru f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.

It-Tribunal ikkonsidra wkoll ir-ritratti esebiti fejn għalkemm tidher dehra ġenerali ta’ appartament mhux miżmum pinna, però, t-Tribunal ra wkoll illi l-appartament kien fih ħwejjeġ, żraben u affarijiet tal- ikel, u dan meta l-istess spezzjoni saret mingħajr ebda pre-avviż.

It-Tribunal josserva illi l-informazzjoni mgħoddija lilu mill-uffiċjal tal-Awtorità dwar l- ispezzjoni li saret fl-2020 hija waħda dgħajfa ħafna. Hu minnu li l-appartament huwa mingħajr dawl u ilma, min-naħa l-oħra r-raġel li huwa juża l-fond biex jorqod biss għax filgħodu jaħdem u filgħaxija jmur fi stabbiliment ta’ ħabib tiegħu ġewwa l-Belt stess.

Illi għalkemm dan it-Tribunal iqis illi huwa diffiċli ferm biex fiż-żminijiet tal-lum wieħed jgħix mingħajr dawl u ilma, iqis li s-sitwazzjoni finanzjarja murija lil dan it-Tribunal mir-raġel, m’hi xejn feliċi u huwa verosimili li jgħix f’dawn il-kundizzjonijiet prekarji u li ladarba m’għandux il-mezzi biex ikollu s-servizzi tad-dawl u l-ilma, peress li hemm kontijiet pendenti, allura huwa kostrett jgħix f’dawn il-kundizzjonijiet, li biex itaffihom jagħmel kemm jista’ jkun ħin barra mill-fond u jirritorna fih biss biex jorqod.

Illi pero`, fil-fehma tat-Tribunal, dan ma jfissirx li r-raġel mhux qed jagħmel użu mill-fond de quo.  It-Tribunal, laqa’ it-talbiet tar-raġel u ħassar u irrevoka d-deċiżjoni tal-Awtorità.

1 kumment

  1. It tribunal imissu baght lill dan ir ragel ghall kura biex ifieq mill vizxju tal loghob.Jahtar persuna biex tikkontrallalu il flus li jaqla.KA JAHDEM GHANDU JKUN KAPACI JHALLAS DEJNU

Comments are closed.

Sport