Wednesday, July 24, 2024

Roberta Metsola tinsisti għal sħubija fl-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent

Aqra wkoll

Meta kienet tindirizza lill-mexxejja tal-UE u tal-Balkani tal-Punent waqt is-Summit UE-Balkani tal-Punent fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola qalet li dan huwa ż-żmien li l-Unjoini Ewropea żżomm il-kredibilità tagħha u  ssieħeb lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-familja u l-valuri tal-UE.

Sostniet li xahrejn ilu waqt laqgħa fi Granada, il-messaġġ tal-Parlament Ewropew kien wieħed ta’ ottimiżmu u tama. Illum, hija sejħa għall-azzjoni biex kulħadd jagħti s-sehmu ħalli jittieħdu d-deċiżjonijiet kuraġġużi li huma meħtieġa.

Il-President tal-Parlament Ewropew żiedet tgħid li t-tkabbir huwa l-aktar għodda ġeopolitika b’saħħitha tal-Unjoni u huwa l-aħjar investiment strateġiku u orjentat lejn il-futur fil-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità fil-kontinent Ewropew.

Fakkret li f’20 sena, il-Kroazja kienet l-uniku pajjiż tal-Balkani tal-Punent li ssieħeb fl-UE. Fissret ukoll kif deċiżjoni li tissieħeb fl-UE hija għażla strateġika. L-allinjament mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni juri li pajjiż iħaddan bis-sħiħ il-valuri fundaturi tal-UE, li hija kundizzjoni li mingħajrha pajjiż ma jistax  isir membru tal-UE.

L-Unjoni Ewropea trid tirriforma sabiex tkun lesta taċċetta membri ġodda. Il-Parlament Ewropew appella biex jiġu riformati t-teħid tad-deċiżjonijiet, il-politiki komuni u l-finanzjament tagħhom, speċjalment meta qed tkun prevista Unjoni mkabbra tal-futur.

Il-Parlament Ewropew għalhekk sejjaħ għal komunikazzjoni strateġika msaħħa li tipprovdi informazzjoni rilevanti dwar il-benefiċċji reċiproċi u l-opportunitajiet tat-tkabbir kemm fil-pajjiżi tal-adeżjoni kif ukoll fl-Istati Membri.

Irridu naħdmu flimkien aktar u aħjar biex nirriflettu għall-indħil barrani malinn, id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, li jheddu mhux biss l-istabbiltà fir-reġjun iżda wkoll il-pedamenti stess tad-demokrazija Ewropea, temmet id-diskors tagħha Roberta Metsola

Ekonomija

Sport