Friday, December 13, 2024

Jgħix it-tagħlim tal-Papa Franġisku li l-Knisja għandha tmur kullimkien biex twassal lil Kristu

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Mhux l-ewwel darba li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ħeġġeġ lis-saċerdoti u qalilhom lil l-Knisja m’għandiex tkun waħda li tibqa’ magħluqa fis-sagristiji iżda għandhom joħorġu biex ixandru l-Kelma t’Alla, bl-istess mod li Kristu qal lid-dixxipli tiegħu biex imorru u jxandru l-Kelma t’Alla lill-ħolqien kollu. Huwa proprju hekk li għamel f’Jum id-Duluri Fr Victor Paul Farrugia meta mar ixandar il-Kelma t’Alla forsi mhux f’post konvenzjonali bħalma normalment issir il-Quddies, iżda mnebbaħ xorta waħda mill-Ispirtu s-Santu sab li anke f’sit ta’ kostruzzjoni l-messaġġ ta’ Alla jista’ jixxandar lin-nies.

Dwar din l-inizjattiva, li ġiet imfaħħra minn bosta persuni fejn qalu li din hija t-tip ta’ Knisja li jridu – waħda miftuħa, flessibbli, tan-nies u li toħroġ fil-periferiji, tkellimna ma’ Fr Victor li qalilna li din l-idea bdiet fis-sena 2019, meta avviċinah ħabib tiegħu li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni u qallu jekk isibx diffikultà biex imur iċċelebra Quddiesa f’Jum id-Duluri fis-sit li kien qiegħed jibni dak iż-żmien ġewwa s-Swieqi. 

Fr Victor jistqar li ħa gost b’din l-istedina u ddeskriviha bħala esperjenza sabiħa ħafna, tant li baqgħu bil-ftehim li jerġgħu jagħmluha s-sena ta’ wara. 

“Imma sfortunatament fis-sentejn li għaddew minkejja li konna diġà bdejna naħsbu fuqha imma kellna nħassruha minħabba l-pandemija.  Din is-sena, meta l-affarijiet bdew ġejjin aktar għan-normal, fil-bidu ta’ Marzu għamel kuntatt miegħi dan il-ħabib tiegħi u talabni jekk hux possibbli li nerġgħu nagħmlu din il-Quddiesa fis-sit li qiegħed jibni fil-Balluta,” qal Fr Victor.

Żied jgħid: “Jien ovvjament ma sibt l-ebda oġġezzjoni, anzi kont ħerqan ħafna li wara sentejn kont se nerġa’ ngħix din l-esperjenza, f’post tax-xogħol.  Forsi mhux post tax-xogħol konvenzjonali, fejn normalment issir Quddiesa, imma li anke bl-istess affarijiet li jinsabu hemm bħall-bricks u twavel ġie ppreparat artal, u ġiet iċċelebrata l-Ewkaristija għal dawn il-ħaddiema, li mhux kollha huma Maltin.”

Fr Victor spjega li din hija l-Knisja li jrid il-Papa Franġisku, il-Knisja li toħroġ, il-Knisja li ma tkunx magħluqa fis-sagristiji, imma tmur kullimkien biex twassal lil Kristu u tiċċelebra l-Ewkaristija. 

“Hija inizjattiva għal qalbi mmens għax din għandha tkun il-missjoni tagħna li nwasslu lil Kristu, mhux biss fl-ifjen postijiet, imma anke f’dawk il-postijet fejn il-bniedem qed jaqla l-għixien tiegħu, anke qalb it-trab u l-makkinarju.  Irridu nkunu Knisja tan-nies u għan-nies,” temm jgħid Fr Victor.

Ekonomija

Sport