Monday, May 20, 2024

Jibda jiltaqa’ l-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex… jibda jiddiskuti l-impatt tal-COVID-19 fuq Għawdex

Aqra wkoll

Ilbieraħ waranofsinhar saret l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex li twaqqaf b’mod unanimu mill-Kamra tad-Deputati.

Il-kumitat maħtur hu kompost minn Justyne Caruana bħala Chairperson, filwaqt li l-membri huma l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, il-Ministru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, Chris Said u Kevin Cutajar.  

L-ewwel tema magħżula għad-diskussjoni kienet “L-impatt tal-COVID-19 fuq Għawdex u t-triq ’il quddiem”. Għal-laqgħa ġew mistiedna esperti u stakeholders, fosthom il-Professur Chairmaine Gauci u rappreżentanti mill-Gozo Business Chamber, Gozo Tourism Association, Steward Healthcare u l-Malta Tourism Authority li kollha indirizzaw lill-membri tal-kumitat billi għamlu preżentazzjoni dwar is-suġġett.

Iċ-Chairperson Justyne Caruana rrimarkat  li dan hu suġġett vast li jimmerita diskussjoni wiesgħa u li allura jeħtieġ li jkun hemm sensiela ta’ laqgħat biex tingħata l-opportunità  għall-parteċipazzjoni ta’ aktar stakeholders u għal rappreżentanza mis-soċjetà ċivili. F’isem il-kumitat għamlet ukoll stedina lill-pubbliku inġenerali biex iressaq suġġerimenti u proposti bil-għan li jkollu leħen u jieħu sehem attiv fl-andament u fid-diskussjoni fi ħdan il-kumitat.

Iċ-Chairperson qalet ukoll li biex jintbagħat messaġġ ċar li l-kumitat jixtieq ikun eqreb lejn il-poplu Għawdxi, se titressaq talba lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati biex ikunu jistgħu jsiru wkoll seduti fil-gżira Għawdxija. F’dan ir-rigward, il-membri awguraw li dan il-kumitat ikun tassew il-vuċi tal-Għawdxin u li minnu u permezz tiegħu ssir ħidma sfiqa b’risq Għawdex u l-Għawdxin.

Din il-laqgħa xxandret online fuq is-sit elettroniku tal-Parlament http://parlament.mt kif ukoll se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjon televiżiv tal-Parlament. Kull min jixtieq jagħmel kuntatt jew iressaq xi suġġerimenti lill-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex hu mitlub li jibgħat email fuq [email protected] jew iċempel fuq in-numru tat-telefon 25596352.

Sport