Friday, May 3, 2024

Jibda l-proċess estensiv sabiex ir-reġistru tal-kumpaniji jitnaddaf minn kumpaniji inattivi

Aqra wkoll

Il-Malta Business Registry diġà bdiet bil-proċess sabiex jitnaddaf ir-reġistru tal-kumpaniji. Fil-fatt diġà bdew il-proċeduri rigward 10,000 kumpaniji li kienu inattivi.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri meta kien qed jindirizza webinar imtella’ mill-entità immirat lejn sidien benefiċjarji ta’ kumpaniji.

Il-Ministru Schembri spjega li dan il-proċess huwa parti mill-ħidma u l-għan tal-istess entità, jiġifieri li tara li tissalvagwardja r-reputazzjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżna u għalhekk huwa importanti li jitnaddaf dan ir-reġistru minn kumpaniji inattivi. “Dan ifisser li bl-azzjonijiet li ħadet il-Malta Business Registry, l-ammont ta’ kumpaniji inattivi naqas b’mod drastiku. Fil-fatt minn żmien għal żmien jinħarġu rapporti lill-kumpaniji li ma jkollhom uffiċjali appuntati, jew li fallew milli jdaħħlu r-rapporti annwali tagħhom jew inkella ma jkunux taw l-informazzjoni neċessarja marbuta mas-sidien benefiċjarji. Fil-kuntest ta’ dan kollu, meta wieħed ifalli milli jilħaq dawn il-kriterji dan imbagħad jiġi segwit mill-proċedura li l-kumpanija titneħħa minn fuq ir-reġistru”, spjega Silvio Schembri.

Fl-isfond tar-rapport Moneyval, il-Ministru Schembri insista li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ l-istrutturi eżistenti kif diġà għamel u se jkomplu jagħmel tant li l-isforzi tal-Gvern ġew innutati mill-Kummissjoni Ewopea.

“Fil-każ tal-Malta Business Registry, il-liġi nbidlet b’mod li r-registrar ikollu saħħa biżżejjed sabiex jassigura li l-informazzjoni li tiddaħħal b’rabta mas-sidien benefiċjarji hija korretta kif ukoll li tkun tista’ tieħu azzjoni sabiex dik il-kumpanija tgħaddi l-informazzjoni meħtieġa. Dan il-mod jgħin sabiex inkunu viċin tas-suq minnu nnifsu u li jkunu antiċipati sitwazzjonijiet inaċċettabli. Għal dan l-iskop inħass il-bżonn li l-multi amministrattivi u s-sanzjonijiet jiżdiedu”, qal il-Ministru Schembri.

Fl-aħħar nett, il-Ministru Schembri żied jgħid li sabiex tiżdied it-trasparenza u l-effiċjenza fis-servizz li jingħata lill-klijenti, se tkompli tinvesti f’teknoloġija emerġenti u dalwaqt se tkun qed tħaddem sistema tal-intelliġenza artifiċjali sabiex il-verifikazzjoni tad-dokumenti tkun iżjed iffaċilitatha u l-komunikazzjoni mal-professjonisti f’dan il-qasam tiżdied.

Sport