Sunday, November 24, 2024

Jibda s-survey min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar it-Trakka

Aqra wkoll

“Il-proġett tat-trakka li wegħdna se nkunu qegħdin inwettquh … bħalissa beda s-survey min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar marbuta mal-applikazzjoni tal-istess proġett.”

Hekk sostna l-Ministru Clifton Grima waqt li kien qiegħed iwieġeb Misoqsija Parlamentari tad-Deputat Laburista Alex Muscat. Il-Ministru Grima qal li sal-bieraħ stess kien gaħddej it-tindif minn parti minn dan is-sit fejn hemm propost li ssir it-trakka.

“Bħalissa hemm applikazzjoni ġdida biex it-trakka ta’ kwart ta’ mil tkun konformi ma’ kull regolament li hemm. Għandek ukoll ix-xogħol preparatorju biex ikun hemm il-coring,” kompla jgħid il-Ministru Grima fil-Parlament.

Qal li qiegħed ikun hemm laqgħat b’mod regolari bl-involviment tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsports, stakeholder kruċjali u importanti f’dan il-proċess kollu. Qal li għal dan il-proġett diġà hemm baġit allokat u għaddejjin ukoll laqgħat ma’ diversi entitajiet governattivi li b’xi mod jew ieħor imissu ma’ dan il-proġett.

Il-Ministru reġa’ tenna li l-art hija diġà iddentifikata u bħalissa għaddej il-proċess biex isir it-trasferimenti neċessarji lil Sport Malta tal-biċċiet kollha tal-art.

Il-kelliem qal li hemm esperti barranin li kienu involuti fid-disinn tal-faċilitajiet smili fuq livell internazzjonali. Dawn kollha qegħdin jaħdmu fuq dan il-proġett biex ikun wieħed ta’ suċċess.

Il-Ministru ħabbar li l-Federazzjoni għandha ftehim ma’ organizzaturi ta’ kampjonati Ewropej biex appena jkun lest ix-xogħol fil-kwart ta’ mil li jikkumplimenta ċ-ċirkwiti l-oħra, jkollna l-ewwel avvenimenti f’pajjiżna.

Sport