Bdew ix-xogħlijiet taħt il-baħar tat-tieni interconnector, hekk kif il-kumpanija Norveġiża Nexans bdiet twettaq ix-xogħlijiet tal-horizontal directional drilling (HDD) f’pajjiżna.
Din il-fażi importanti se toħloq il-konnessjoni taħt l-art fil-forma ta’ mina biex tgħaqqad il-parti fuq l-art ma’ dik ta’ taħt il-baħar tal-proġett, biex il-cable jkun jista’ jgħaddi mill-art għal taħt il-baħar mingħajr ma jħalli impatt fuq il-kosta.
“Dan il-proġett jinvolvi l-manifattura ta’ cable speċjalizzat u jinvolvi firxa wiesgħa ta’ xogħlijiet u attivitajiet kumplessi ta’ inġinerija, ippjanar metikoluż u koordinazzjoni kontinwa bejn diversi entitajiet. Dan kollu huwa kruċjali għat-twettiq tal-proġett fit-totalità tiegħu sabiex nibqgħu naħdmu fuq din l-infrastruttura ta’ importanza nazzjonali,” qalet il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli.
“Il-bini tat-tieni Interconnector, proġett ta’ madwar €300 miljun mill-ERDF, huwa meqjus bħala wieħed importanti ħafna, ta’ impatt strateġiku fuq il-gżejjer Maltin li se jagħti sigurtà fejn tidħol il-provvista tal-enerġija, kif ukoll se jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, biex il-familji u n-negozji Maltin jibqgħu jgawdu minn kontijiet affordabbli,” saħaq il-Ministru għall-Fondi Ewropej Keith Azzopardi Tanti.
Il-horizontal directional drilling (HDD) hija teknoloġija speċjalizzata li tippermetti li jsir tħaffir ikkontrollat taħt l-art f’dak il-każ minn tarf fuq l-art sa tarf ieħor taħt il-baħar. Dan il-metodu jelimina l-ħtieġa ta’ skavar u trinek fiż-żona tax-xatt tal-kosta u jiżgura li l-cable jgħaddi b’mod sigur u protett bejn l-art u l-baħar.
Aktar tard din is-sena, l-istess proċess se jitwettaq ukoll fi Sqallija. Dawn l-iżviluppi eventwalment se jiffurmaw il-punt ta’ konnessjoni tal-parti ta’ fuq l-art ma’ dik ta’ taħt il-baħar u se jippermettu li xogħlijiet marbuta maż-żewġ kuntratti tal-proġett jingħaqdu flimkien. Dawn ix-xogħlijiet qed jiġu kkoordinati b’reqqa minn Interconnect Malta flimkien mal-konsulenti tekniċi tagħha, Rina Consulting S.p.A., b’kollaborazzjoni sħiħa bejn il-partijiet kollha involuti.
Proċess bħal dan jirrikjedi ħidma estensiva ta’ ppjanar, disinn ta’ inġinerija u tħejjija teknika. Il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi jiġu kkonfermati waqt il-proċess tat-tħaffir. Karatteristiċi naturali bħat-tipoloġija u xquq fil-blat jew bidliet fil-formazzjoni ġeoloġika jistgħu joħolqu sfidi tekniċi li jeħtieġu monitoraġġ kontinwu u livell għoli ta’ kompetenza.
Ladarba jitlestew ix-xogħlijiet tal-HDD kemm f’Malta kif ukoll fi Sqallija, ikun jista’ jibda t-tqegħid tal-cable taħt il-baħar, li huwa ppjanat li jibda minn Malta fid-direzzjoni lejn l-Italja. Fiż-żewġt itruf, il-cable ta’ taħt il-baħar imbagħad jingħaqad mal-cable fuq l-art permezz ta’ transition joint li jitwettaq minn tekniċi speċjalizzati.
Meta jitlesta, il-proġett tat-tieni konnessjoni tal-elettriku bejn Malta u Sqallija se jirdoppja l-kapaċità ta’ Malta li tkun konnessa man-netwerk Ewropew tal-elettriku. Fl-istess ħin, se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u jiffaċilita integrazzjoni akbar tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema elettrika tal-pajjiż.
Dan l-investiment ta’ €300 miljun ġie approvat għall-finanzjament mill-ERDF taħt il-prijorità “Promozzjoni tat-tranżizzjoni enerġetika nadifa u ġusta”, u jikkontribwixxi direttament għal sistemi enerġetiċi intelliġenti u stabbli. Il-proġett ġie rikonoxxut bħala “Operazzjoni ta’ Importanza Strateġika” fil-Programm 2021–2027. L-ammont tal-finanzjament Ewropew allokat hu ta’ €261 miljun.
