Friday, May 3, 2024

Jibdew il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar b’Konferenza Ministerjali dwar l-Isport

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima dalgħodu laqa’ l-Ministri responsabbli mill-Isport tal-pajjiżi parteċipanti fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar għall-Konferenza Ministerjali dwar żewġ dokumenti li ġew ippreżentati minn pajjiżna li huma ‘Elite athletes and understanding their challenges in the small states of Europe’ u ‘Grassroots in sport in the small states of Europe’.

Fil-konferenza, li tmexxiet mill-Ministru Grima, ipparteċipaw il-Ministru tal-Andorra Monica Bonell Tuset; il-Ministru tal-Iżlanda Ásmundur Einar Daðason; il-Ministru tal-Liechtenstein Dominique Hasler; il-Ministru tal-Lussemburgu Georges Engel; il-Ministru ta’ San Marino Teodoro Lonferini; u l-Ministru tal-Montenegro Vasilije Lalošević. Min-naħa ta’ Ċipru kienu rappreżentati minn Andreas Michaelides, li huwa l-President tal-Organizzazzjoni tal-Isport tal-pajjiż, filwaqt li kien nieqes biss il-Ministru ta’ Monaco minħabba li l-gvern għadu mhux iffurmat wara l-elezzjoni fil-pajjiż.

Il-Ministri kienu akkumpanjati minn uffiċjali kif ukoll mill-Presidenti tal-Kumitati Olimpiċi tal-pajjiżi kollha li qed jipparteċipaw f’dawn il-logħob.

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Ewropew Spyros Capralos, li wkoll kien preżenti għal din il-Konferenza, ippreżenta rikonoxximent lill-Ministru Grima għall-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment sportiv f’pajjiżna. Huwa faħħar lil pajjiżna għal dan l-impenn u qal li qed jieħu gost li jinsab fostna u li qed jara tant entużjażmu mid-delegazzjonijiet kollha wara n-nuqqas ta’ dawn il-logħob, wara li fl-2021 l-edizzjoni li kellha ssir fl-Andorra ma kienetx saret minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija.

F’din id-19-il edizzjoni qed jieħdu sehem rekord ta’ 1,000 atleta minn 9 pajjiżi, li matulha wkoll pajjiżna qed ifakkar l-20 anniversarju meta ospita dawn il-logħob għat-tieni darba fl-2003 u it-30 anniversarju minn meta ospita dawn il-logħob għall-ewwel darba fl-1993.

L-istennija hija għall-Ftuħ Uffiċjali ta’ dan l-avveniment li se jsir il-Lejla fuq il-Fosos tal-Florjana, ftuħ spettakolari li se jkun miżgħud b’talent Malti.

Intant matul il-ġurnata bdew il-kompetizzjonijiet, fosthom il-logħob tal-basketball, tennis u squash. Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-żgħar jibqgħu għaddejjin sa’ nhar is-Sibt li ġej, meta ssir ukoll iċ-ċerimonja tal-għeluq. 

Sport