Il-pulizija Ġermaniża għadha kemm ħabbret li kien hemm żvilupp fuq il-każ tal-għajbien ta’ Madeleine McCann, hekk kif iktar kmieni dan ix-xahar, instabet evidenza kruċjali li torbot lis-suspettat ewlieni, Christian Brueckner, u lit-tifla flimkien. Dan l-iżvilupp fil-każ ta’ McCann seħħ propju fil-15-il anniversarju mill-għajbien tagħha.
Brueckner, Ġermaniż ta’ 45 sena, kien tqies bħala suspettat f’dan il-każ mill-pulizija Ġermaniża f’Ġunju tal-2020. Riċentament, lejn l-aħħar tax-xahar li għadda, dan l-individwu ġie ddikjarat uffiċjalment bħala suspettat mill-awtoritajiet Portugiżi.
Il-persuna li qed tmexxi l-investigazzjoni fil-Ġermanja dwar l-għajbien ta’ Mc Cann, Hans-Christian Wolters ħabbar li: “Sibna fatti ġodda u evidenza ġdida. Mhijiex evidenza forensika, però permezz ta’ din l-evidenza ninsabu żguri li Brueckner hu l-qattiel ta’ Madeleine McCann. Aħna ċerti li kien hu li qatel lil Madeleine”. Huwa qal dan fuq stazzjon tat-televiżjoni Portugiża.
Minkejja li l-preżentatriċi, Sandra Felgueiras, talbet lil Wolters sabiex jikkonferma jekk fil-caravan tas-suspettat instabitx xi ħaġa li kienet ta’ Madeleine, huwa ma żvelax dettalji dwar dan.