Saturday, October 26, 2024

“Jien m’għandix fejn inmur… il-karba ta’ tifel Etjopjan”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Jien twelidt hawn. Xorta nmur Ħal Far kull sena. Mhux ġust dak li qed isir. Xi ħaġa trid tinbidel. Jien għandi familja Maltija. Għandi nanna u nanna. Huma rabbewni ukoll.  Mhux ġust li jien niġi trattat differenti.  Għandi l-ħbieb hawn. Jekk jibagħtu lil ommi u lil missieri jien m’għandix fejn inmur.”

Din kienet il-karba ta’ tifel Etjopjan. Karba li turi dak li għaddej minnu quddiem id-deċiżjoni tal-gvern li jiddeporta ammont ta’ Etjopjani minn Malta. Deċiżjoni li qiegħda tiġi kritikata għax hi deċiżjoni inumana u għax tista’ tpoġġi riskji fuq id-drittijiet umani ta’ dawn l-istess persuni. 

Waqt li d-deċiżjoni mhix tinftiehem minn għadd ta’ attivisti li jaħdmu qrib l-immigranti u dan minħabba l-fatt li dawn l-persuni li ġew arrestat u spiċċaw fid-detenzjoni kienu ilhom f’Malta għadd ta’ snin, jaħdmu u Integral fis-soċjetà.

Il-pjani tal-Gvern wasslu għal kritika qawwija. Diversi dawk li esprimew ruħhom pubblikament u anke b’messaġġi. Il-Moviment Graffitti organizza protesta quddiem iċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi.

F’messaġġ li għamlu ddikjaraw li “aħna, min iħaddem, kollegi, ħbieb, membri ta’ diversi komunitajiet u organizzazzjonijiet madwar Malta — qed ningħaqdu b’solidarjetà ma’ ħamest irġiel li jinsabu detenuti. Qed nappellaw lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni urġenti u jeħilsuhom mid-detenzjoni, filwaqt li jwittu t-triq biex membri tal-komunitajiet tagħna li ilhom f’Malta għal tul ta’ żmien ikunu jistgħu jirregolarizzaw l-istatus tagħhom.”

Il-Moviment Graffitti qal li “ħamest irġiel bħalissa jinsabu miżmuma fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi wara rejds li għamel il-Gvern fuq il-komunità Etjopjana, li ilha stabbilita f’Malta. Għall-biċċa l-kbira ta’ żewġ deċennji, dawn l-irġiel bnew ħajjithom hawn, ħadmu legalment, ħallsu s-sigurtà soċjali u t-taxxi, imlew il-lakuni fil-qasam tax-xogħol u taw kontribut għat-tkabbir tal-ekonomija tagħna. Huma għandhom ħbieb, familjari u kollegi u jiffurmaw parti integrali mit-tessut soċjali tagħna. Bħalissa qed jaffaċċjaw ir-riskju li jiġu deportati kontra qalbhom lejn l-Etjopja, pajjiż li ilhom li telqu warajhom, u li fih hemm ir-riskju ta’ persekuzzjoni.”

Il-Graffitti enfasizzaw li “aħna ningħaqdu kontra r-rejds tal-Gvern fuq residenzi privati li jisparixxu lil persuni mill-komunitajiet tagħna f’nofs ta’ lejl. Dawn ir-rejds jesponu lill-aktar persuni vulnerabbli, fosthom tfal u anzjani, għal atti ta’ vjolenza mill-Istat, u jġiegħlu lil persuni li m’għandhomx dokumenti, u li ħafna minnhom ilhom jgħixu hawnhekk għexieren ta’ snin, jgħixu fil-biża’ u fl-inċertezza.

Dawk fostna li jħaddmu qed jopponu r-rejds tal-Gvern fil-postijiet tan-negozju, u d-detenzjoni u d-deportazzjoni ħesrem ta’ impjegati essenzjali. B’rispett nitolbu li l-awtoritajiet jirrikonoxxu li l-migranti li ilhom hawn għal tul ta’ żmien jiffurmaw parti imprezzabbli mill-forza tax-xogħol tagħna.

Persuna li tħaddem lil wieħed mill-irġiel detenuti nnotat li “r-raġel wera impenn bla waqfien kemm lejn il-komunità tiegħu kif ukoll lejn il-post tax-xogħol tiegħu. Huwa ħallas it-taxxi b’mod konsistenti u kkontribwixxa b’mod pożittiv għall-ekonomija lokali, u wera li huwa membru tas-soċjetà responsabbli li josserva l-liġi.

Fiż-żmien tiegħu hawn, bena relazzjonijiet b’saħħithom u integra mal-oħrajn bis-sħiħ, u għex ħajja onesta li tirrifletti d-dedikazzjoni tiegħu għall-valuri ta’ dan il-pajjiż. Nitolbu għall-mogħdrija u l-kompassjoni meta jiġi eżaminat il-każ tiegħu. It-tneħħija tiegħu mhux biss tkun telf sinifikanti għall-organizzazzjoni tagħna iżda wkoll għall-komunità li bbenefikat mix-xogħol iebes, il-lealtà, u l-integrità tiegħu.” 

Il-Graffitti sostnew li “m’hemmx dubju wkoll li dawn ir-rejds u deportazzjonijiet huma prodott ta’ politika mhux maħsuba sew. L-ammont ta’ enerġija istituzzjonali u flus ħerġin mit-taxxi tagħna li ntefqu biex jiġbru u jippruvaw jiddeportaw ħamest irġiel huwa kważi inkalkulabbli.

Kemm se jkun nefaq ewro mit-taxxi tagħna l-Gvern biex jipprova jiddeporta wieħed minn dawn l-irġiel? Dak li qed naraw mhuwiex prodott ta’ politika tal-Gvern meqjusa, iżda teatrin għali li bih l-awtoritajiet qed jippruvaw jirrispondu għal elementi ksenofobiċi. 

Ma nistgħux naċċettaw dan kollu u noqogħdu kwieti waqt li l-awtoritajiet jagħmlu r-rejds fid-djar u jisparixxu lil sħabna u l-kollegi tagħna. Posthom huwa magħna.”

Sport