Tuesday, December 24, 2024

“Jien ridt nuri li mhux żbalji biss saru imma kien hemm nies tajbin ukoll”

l-Arċipriet ta’ Raħal il-Ġdid, Dun Marc Camilleri dwar l-istampa li ħolqot kontroversja

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ritratt li ttella’ mill-Arċipriet Dun Marc Andre Camilleri, li hu l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ Raħal il-Ġdid, qajjem kontroversja sħiħa. Ir-ritratt kien juri grupp ta’ reliġjużi martri, tmienja b’kollox li kienu inqatlu minn persuni indiġeni fil-Kanada. Fl-istampa jidhru fil-fatt l-indiġeni b’mazza f’idejhom qed joqtlu lil tnejn mir-reliġjużi. L-istampa ittellgħet minn Fr Camilleri proprju waqt li l-Papa Franġisku qiegħed jagħmel iż-żjara tiegħu fil-Kanada. Żjara li fiha l-Papa Franġisku qiegħed jagħmilha biex tintalab maħfra għal atroċitajiet li twettqu mill-Knisja Kattolika fil-Kanada. Kien hemm min staqsa kif ittellgħet stampa bħal din minn sacerdot f’Malta meta l-istess Papa Franġisku se jkun qed jitlob maħfra u anke deher jiltaqa’ mal-komunitajiet indiġeni fil-Kanada.

Quddiem l-ammont ta’ kummenti negattivi li tqanqlu b’din l-istampa, dan is-sit ikkuntattja lil Arċipriet Fr Marc Andre Camilleri biex nieħdu l-kummenti tiegħu u dwar x’kien l-għan li ttellgħet din l-istampa proprju fi żmien li l-Papa qed jagħmel iż-żjara fil-Kanada.

Dun Marc Andre Camilleri qalilna li “l-uniku ħaġa, jien meta telllajt dak ir-ritratt u l-kumment jien bl-ebda mod ma waqqajt dak li gara fil-Kanada. Ma’ dħaltx fuq materji ta’ kolonjaliżmu. Jien meta tellajt dak ir-ritratt ridt ngħaddi l-messaġġ li rridu inżommu f’moħħna li jekk saru affarijiet negattivi, irridu niftakru ukoll kemm kien hemm nies tajbin u qaddisin li batew u mietu biex ixandru dak li kienu jemmnu fih. Il-ħsieb tiegħi kien dak li llum irridu nieħdu l-eżempju tagħhom.”

Dun Marc Andre Camilleri enfasizza li “irrid inwassal il-messaġġ li fil-kuntest ta’ ħafna affarijiet nitkellmu fuq żbalji u ninsew li dik hi biss parti mill-istorja. Jien irrid inwassal il-messaġġ li hemm parti oħra. Uħud minn dawn il-martri mietu għax ġew imbiċċrin mit-tribu ta’ l-Iroquios meta dawn ipprovaw jeqridu it-tribu tal-Hurons.  Dawn il-martri baqghu mal-Hurons sa l-aħħar wara li kienu tgħammdu ‘lfuq minn 7,000 minnhom. Dawn il-patrijiet ma kinux jaħqru lin-nies imm jaħdmu u jgħinuhom”.

Nistaqsuh kif iħares lejn il-fatt li hu tella’ l-istampa proprju waqt li l-Papa Franġisku qed jagħmel iż-żjara fil-Kanada u jgħidilna li “ittellgħet bi skop biex tenfasizza li hemm il-parti l-oħra tal-munita. Mhux se ngħid li ma sarux żbalji. Saru żbalji u għadhom isiru żbalji sa llum. Nisħaq li irridu naraw l-istampa sħiħa. Kien hemm żbalji imma fl-istess ħin kien hemm relijużi li taw ħajjithom. San  Isaac Jogue wieħed minn dawn il-martri saħansitra kilulu subgħajh u reġa’ mar lura. Tellajtha proprju issa biex tkun komplimentari, waqt li qed tintalab skuża għall-iżbalji tal-Knisja fil-Kanada. Jien il-punt hu dak li ridt nuri li mhux ħażin biss imma hemm storja sabiħa fejn tidħol il-knisja fil-Kanada”.

Fost dawk li kkummentaw kien hemm Maltija Kanadiża, Nadia Delicata, li kitbet li “jien Kanadiża Kattolika. Jien rajt l-istampa u dejqitni ħafna. Il-Knisja Kattolika fil-Kanada qed tirrikonoxxi li saru żbalji. Il-Papa Franġisku qiegħed fuq pellegrinaġġ penitenzjali fejn saru atroċitajiet mill-Kattoliċi. Naħseb li kellu jkun hemm aktar rispett lejn l-isforzi tal-Knisja Kanadiża li qed tfittex ir-rikonċiljazzjoni. Nistgħu nitgħallmu ħafna minn dawn l-isforzi”.

Ekonomija

Sport