Il-Fondazzjoni Inspire, l-organizzazzjoni ewlenija f’Malta fis-settur tad-diżabilità, qed tħabbar it-tnedija tal-maratona televiżiva tagħha ta’ ġbir ta’ fondi, “Jien Suċċess,” li se ssir nhar il-Ħadd, 20 t’Awwissu 2023 minn nofsinhar sa nofsillejl. Din it-telethon ta’ 12-il siegħa għandha l-għan li tiġbor fondi essenzjali għall-bini taċ-Ċentru l-ġdid ta’ Riabilitazzjoni u Benessri fil-faċilità ta’ Wied il-Għajn ta’ Inspire. L-avveniment se jixxandar fuq l-istazzjonijiet TVM, ONE, u NET TV, u se jilħaq eluf ta’ telespettaturi madwar in-nazzjon.
It-tema magħżula, “Jien Suċċess”, tinkorpora perfettament il-filosofija ewlenija tal-Fondazzjoni Inspire – li kull individwu, irrispettivament mil-limitazzjonijiet, kundizzjonijiet, jew diżabilità, jistħoqqlu l-opportunità li jikseb suċċess u jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu jew tagħha. It-telethon se turi tfal, adulti u familji li jibbenefikaw mis-servizzi tal-Fondazzjoni Inspire u li qegħdin fil-vjaġġ tagħhom lejn is-suċċess.
“Nemmnu bis-sħiħ li kulħadd għandu d-dritt għall-ugwaljanza u l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà,” qal Antonello Gauci, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire. “Permezz ta’ ‘Jien Suċċess,’ qed naspiraw li niġbru fondi għall-proġett innovattiv tagħna, iċ-Ċentru ta’ Riabilitazzjoni u Benessri. Din l-inizjattiva se tkun unika għal Malta u se tilqa’ għall-bżonnijiet ta’ bosta individwi, inklużi dawk li jsofru minn inċidenti, pazjenti bi puplesija, nies bil-fibromyalgia, u l-anzjani, fost oħrajn”.
Iċ-Ċentru tar-Riabilitazzjoni u l-Benessri għandu l-għan li jistabbilixxi faċilità kompletament aċċessibbli, mgħammra b’ġinnasju ta’ rijabilitazzjoni mfassla għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ individwi bi korrimenti newroloġiċi jew limitazzjonijiet fiżiċi. Iċ-ċentru se jintroduċi firxa ta’ servizzi ġodda mfassla biex jipprovdu appoġġ emozzjonali u servizzi speċjalizzati mmirati biex jagħtu s-setgħa u jtejbu l-benessri ta’ mijiet ta’ individwi u l-familji tagħhom.
“Għandna pjanijiet ambizzjużi għal dan il-proġett, u l-ispiża stmata għall-bini ta’ din il-faċilità hi ta’ madwar €400,000,” kompla Gauci. “Bl-appoġġ tad-donaturi ġenerużi tagħna, qed nittamaw li se noħolqu spazju sigur u inklussiv li jrawwem it-tkabbir, ir-riabilitazzjoni, u s-suċċess għal kulħadd. Ingħaqad magħna għal esperjenza li tqawwi l-qalb u li tagħti s-setgħa, hekk kif ningħaqdu flimkien bħala komunità biex ngħinu lil dawk fil-bżonn. Flimkien, nistgħu nagħmlu differenza u noħolqu ambjent aktar inklussiv u ta’ appoġġ għall-individwi b’diżabilità.”
Il-Fondazzjoni Inspire qed tistieden individwi, kumpaniji, u komunitajiet biex jipparteċipaw fit-telethon “Jien Suċċess” billi jikkontribwixxu bħala donaturi jew jagħmlu xogħol volontarjat fil-jum tal-avveniment. Il-voluntiera se jkunu essenzjali biex iwieġbu t-telefowns u jappoġġaw l-organizzazzjoni tat-telethon. Dawk li huma interessati jagħmlu volontarjat jistgħu jirreġistraw hawn: https://shorturl.at/ayC16, filwaqt li dawk li jixtiequ jagħtu donazzjoni jistgħu jagħmlu dan billi iżuru hawn: https://inspire.org.mt/jien-success-2023/