Wednesday, December 25, 2024

Jiftħu l-applikazzjonijiet b’investiment ta’ €64 miljun f’edukazzjoni ta’ kwalità

Aqra wkoll

Mil-lum fetħu s-sejħiet għall-applikazzjonijiet ta’ €64 miljun f’fondi Ewropej għat-tisħiħ tas-settur edukattiv f’pajjiżna, fosthom bl-għoti ta’ aktar għodod diġitali bħal laptops u tablets għall-istudenti tagħna.

Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett waqt żjara fl-iskola St. Joseph Mater Boni Consilii f’Raħal Ġdid, fejn iltaqa’ ma’ studenti tal-ħames u s-sitt sena skolastika u seta’ jara b’mod prattiku l-użu tal-għodod diġitali eżistenti fil-klassijiet.

Is-Segretarju Parlamentari Bonett spjega li dawn is-sejħiet se jwasslu għall-allokazzjoni ta’ fondi mill-programm ESF+ f’taħriġ ta’ kwalità għolja u aktar inklużiva. Hemm diversi proġetti li jistgħu jiġu appoġġjati minn din l-iskema għat-titjib tas-sistemi edukattivi, fosthom boroż ta’ studju għall- edukazzjoni avvanzata (inkluż f’livelli ta’ Master u PhDs) u investiment f’teknoloġiji diġitali bħala parti mill-kurrikulu nazzjonali fi ħdan l-iskola obbligatorja.

Stakeholders differenti fil-qasam edukattiv jistgħu japplikaw għas-sejħiet imħabbra llum, inkluż dawk li joħolqu metodi edukattivi alternattivi lil hinn mill-akkademja biex it-tfal kollha jkunu jistgħu jirnexxu.

Is-Segretarju Parlamentari fisser kif il-Gvern jemmen bil-fatti fil-potenzjal tal-istudenti Maltin u Għawdxin u għalhekk irid ikompli jassigura investiment xieraq fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna, fosthom billi jagħti l-fakultà biex it-tfal iħaddnu aktar teknoloġiji diġitali minn età żgħira ħafna.

Dr Bonett qal li, fis-snin li għaddew, l-inizjattiva One Tablet per Child diġà waslet għat-tqassim ta’ madwar 12,000 tablet jew laptop lill-istudenti, b’investiment ta’ €11 miljun kofinanzjati minn fondi Ewropej.

“Dak li qed inħabbru illum huwa pass ieħor ’il quddiem f’din id-direzzjoni li bħala pajjiż nikkontribwixxu b’mod effettiv fil-futur ta’ uliedna. Is-sejħiet imħabbra llum huma parti minn investiment ferm akbar ta’ €150 miljun mill-pakkett ta’ fondi Ewropej għall-perjodu 2021-2027 esklussivament għall-investiment edukattiv”, tenna s-Segretarju Parlamentari.

Dr Bonett temm b’appell lil dawk eliġibbli biex jipparteċipaw f’din is-sejħa li għandha l-għan li ssaħħaħ il-ħiliet tat-tfal u tippreparahom għall-karrieri ġodda.

Intant, is-Surmast tal-iskola St. Joseph Mater Boni Consilii, Dr Kenneth Vella, qal li bl-iskema preċedenti tal-One Tablet per Child tqanqal interess fit-teknoloġija u l-innovazzjoni fost l-istudenti u tħejjiet it-triq sabiex huma jsibuha aktar faċli jużaw mezzi diġitali. Dr Vella esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-pajjiż se jkompli jinvesti f’dan il-qasam li huwa kruċjali fid-dinja tal-lum u tal-futur.

Ekonomija

Sport