Monday, May 13, 2024

Malta u l-Kroazja b’potenzjal li jsaħħu l-koperazzjoni bejniethom

Il-Prim Ministru Abela b’laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru Kroat Plenković

Aqra wkoll

Malta u l-Kroazja għandhom potenzjal biex isaħħu l-kummerċ bejniethom. Dan kien sentiment importanti li qam f’laqgħa bilaterali li kellu l-Prim Ministru Robert Abela mal-Prim Ministru Kroat Andrej Plenković fil-Berġa ta’ Kastilja lejliet is-Summit tal-MED9, li pajjiżna se jilqa’.

Iż-żewġ Mexxejja rrimarkaw għar-relazzjonijiet b’saħħithom li jeżistu mhux inqas fil-kummerċ. Il-Prim Ministru Robert Abela nnota d-dħul tal-Kroazja fiż-Żona Ewro u fiż-Żona Schengen fil-bidu ta’ din is-sena u kif iż-żewġ pajjiżi għandhom għanijiet komuni favur aktar koperazzjoni.

Iż-żewġ naħat iddiskutew temi oħra li jinsabu fuq l-aġenda Ewropea fosthom l-ekonomija, l-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-gwerra fl-Ukrajna. Fuq din l-aħħar tema, iż-żewġ Mexxejja komplew jikkundannaw l-invażjoni mill-qawwiet Russi fl-Ukrajna. Il-Prim Ministru Malti tenna l-appell favur djalogu u taħditiet ta’ paċi.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela f’din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Owen Bonnici, Ian Borg u Michael Falzon kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment ta’ Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea Leandro Borg.

Sport