Sunday, May 5, 2024

ŻGĦAŻAGĦ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

M’hemm xejn li jagħti aktar kuraġġ dwar il-futur ta’ pajjiż mill-fatt li fuq ix-xena nazzjonali jkunu qed jitfaċċaw żgħażagħ “ġodda” li qed jagħrfu l-ġrajjiet ta’ madwarhom u jsegwuhom b’impenn waqt li jlestu biex jieħdu sehem fihom.

Jidhirli li dil-ħaġa qed tiġri f’Malta llum b’numru mhux żgħir ta’ żgħażagħ impenjati f’attiviżmu siewi. Ma narahiex problema li f’ħafna każi, l-attiviżmu hu ppernjat fuq qasam wieħed – ngħidu aħna l-ambjent. L-esperjenza miksuba f’qasam hekk isservi ħafna, aktar ’il quddiem jekk wieħed jew waħda j/titħajjar għal involviment f’oqsma usa’. U sadattant, wieħed jinnota kif is-sehem taż-żgħażagħ fit-tmexxija tal-kunsilli lokali, anke bħala kunsilliera, baqa’ jiżdied.

L-agħar li jista’ jiġri f’soċjetà hu li ż-żgħażagħ jinqabdu fl-apatija jew in-nuqqas ta’ ħeġġa lejn kwalunkwe ħidma li tmiss mal-ħajja publika. Għalhekk jien lanqas ninkwieta meta żgħażagħ jiddefendu linja politika li ma naqbilx magħha. Aħjar l-impenn tagħhom kuntrarju għal fehmieti mill-apatija.

IL-LETTERATURA

Mill-forom ta’ arti segwiti u prattikati f’Malta, il-letteratura baqgħet l-anqas li tiġbed interess. Il-mużika, l-arti viżiva, it-teatru u ċ-ċinema jsibu udjenzi u attenzjoni kritika ħafna aktar mifruxa u sodi.

Barra mill-korsijiet fiha li jingħataw mill-Università u minn inizjattivi marbuta b’xi mod magħha, fostna ftit hemm interess mobilizzat dwar x’qed jiġri fil-letteratura barranija u f’Malta. Jagħmel sforzi qawwija f’das-sens il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u jixraqlu kull prosit dwar hekk; imma anke fil-fiera ta’ kull sena li jorganizza, l-akbar interess jitqajjem mill-bejjiegħa ta’ kotba “popolari” mibjugħa bir-ribass.

Li jinħass kuntradittorju f’dil-biċċa hu li imbagħad, qed jiġu pubblikati ħafna aktar kotba minn qatt qabel.

SUQ KAPITALI EWROPEW

Jeżisti suq kapitali Ewropew: jiġifieri borża Ewropea fejn ishma u ċedoli ta’ self li jinħarġu minn kumpaniji jistgħu jinxtraw u jinbiegħu? Fil-fatt, kull pajjiż għandu s-suq tiegħu. Fil-biċċa l-kbira huma swieq żgħar li bl-ebda mod ma jitqabblu mas-suq Amerikan jew anke dak tar-Renju Unit.

Offerti għall-bejgħ ta’ ishma, speċjalment minn kumpaniji ta’ daqs żgħir jew medju, staġnaw matul is-snin, biex ma ngħidx naqsu. Safrattant tibqa’ l-“ħolma” ta’ suq kapitali Ewropew wieħed. Li ma tkunx ħaġa ħażina kieku tista’ sseħħ. Wisq investimenti privati fl-Unjoni Ewropea huma finanzjati b’self mill-banek.

Fl-Ewropa ma teżistix “kultura” finanzjarja bħal fl-Istati Uniti fejn in-nies tinvesti direttament f’azjendi li jkunu għaddejja bil-proġetti tagħhom. B’dal-mod, is-swieq kapitali Amerikani mhux biss jirkbu fuq somom ta’ flejjes enormi, imma jattiraw kumpaniji mill-erba’ rkejjen tad-dinja ħerqana biex joffru l-ishma għall-bejgħ. Hekk qed jagħmlu anke impriżi Ewropej: ibigħu l-ishma tagħhom fl-Istati Uniti minflok fl-Ewropa.

Sport