Monday, May 13, 2024

“Il-Parlamenti Nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinjifikati għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna”

- L-Ispeaker Anġlu Farrugia

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Dr Anġlu Farrugia pparteċipa fil-Konferenza Ewropea tal-Presidenti tal-Parlamenti li saret f’Dublin. Il-Konferenza laqqgħet flimkien kelliema u Presidenti tal-Parlamenti mis-46 stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll pajjiżi msieħba u l-kapijiet ta’ diversi assemblej interparlamentari fost oħrajn.

L-ewwel tema tal-Konferenza kienet tittratta l-konsegwenzi tal-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Fil-bidu tad-diskussjoni, l-assemblea żammet minuta silenzju b’rispett lejn il-vittmi li tilfu ħajjithom f’din il-gwerra.

Fl-intervent tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia stqarr li l-parlamenti nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna; l-importanza li wieħed ifittex soluzzjoni għall-kunflitt permezz ta’ sforzi diplomatiċi, ekonomiċi u umanitarji. Irrefera wkoll għal kwistjonijiet kruċjali oħra fosthom is-sanzjonijiet, il-kooperazzjoni fis-sigurtà, il-promozzjoni tad-demokrazija u l-kuxjenza pubblika.

L-Ispeaker Farrugia tenna wkoll is-sejħa tiegħu espressa fi Praga u waqt laqgħa tal-IPU. Saħaq li huwa imperattiv li għandu jiġi stabbilit ftehim solidu ta’ waqfien mill-ġlied li fl-aħħar mill-aħħar jimmira li jiġi konkluż u milħuq ftehim ta’ paċi b’saħħtu miż-żewġ naħat.

Qal ukoll li r-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-assistenza biex jiġi fformulat waqfien mill-ġlied u fil-proċess ta’ medjazzjoni huwa ta’ importanza kbira. Hija r-responsabbiltà tal-parlamenti li jiżguraw li t-tbatija ta’ nies innoċenti li ġejjin mill-effetti makabri tal-kunflitt tiġi eliminata mill-aktar fis possibbli.

L-Ispeaker Farrugia kien akkumpanjat mis-Sur Giovanni Buttigieg, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Irlanda.

Sport