Sunday, December 22, 2024

Jiġbru fondi għal tewmin b’diżabilità rari… “Ir-rispons ta’ mħabba kien inkredibbli”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Len u Jacobs huma żewġt aħwa li bħal kull tfal oħrajn jħobbu l-avventura u jiskopru d-dinja ta’ madwarhom. Iż-żewġt aħwa huma bħal kull subien oħra iżda għandhom numru ta’ sfidi f’ħajjithom minħabba li għandhom bżonnijiet speċifiċi ħafna.

Missierhom, Brian Galea, qalilna li t-tewmin għandhom diżabilità li taffettwa l-mobiltà u l-koordinazzjoni tagħhom għalhekk l-għawm, l-ippoterapija (eżerċizzju fuq dahar iż-żiemel) u l-fiżjoterapija jgħinhom ħafna jsaħħu l-muskoli.

Huwa proprju għalhekk li nħolqot paġna tal-‘gofundme’ bil-għan li jinġabru l-fondi għal dawn l-aħwa ħalli b’hekk ikun jista’ jiġi assigurat futur aħjar għalihom.

Iżda apparti minn hekk, biex jinġabru fondi għat-terapija fiżika taż-żewġ subien, grupp ta’ persuni, inkluż missier is-subien, Brian Galea, ħadu sehem f’attività ta’ ġbir ta’ fondi. Din l-attività saret proprju nhar is-Sibt li għadda u fiha dan il-grupp ta’ persuni ġrew u għomew mill-Mosta sa Ta’ Pinu ġewwa Għawdex. Dan fisser total ta’ 33 km.

Brian qal lil dan il-ġurnal li fil-ġirja lilhom it-tliet atleti akkumpanjawhom madwar 12-il persuna fil-ġirja (Malta u Għawdex) u żewġ għawwiema fl-għawma bejn Malta u Għawdex. Qalilna wkoll li fost dawk li ġrew kien hemm ukoll omm it-tewmin, Alison, u ħuhom il-kbir Isaac, li bħal Brian huwa wkoll ‘fitness trainer’ ikkwalifikat.

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, Brian qal li hu u l-mara tiegħu jafu x’inhuma l-aħjar bżonnijiet għat-tfal tagħhom u bit-terapija fiżika indunaw li t-tfal imxew ‘il quddiem. “Wara li ġejna rrifjutati s-sapport minn Fondazzjoni minħabba li t-terapija ma taqax taħt il-linji gwida tagħha, flimkien ma’ familjari u ħbieb qrib tagħna li jħobbu ħafna lit-tewmin, iddeċiedejna li niftħu fond u li norganizzaw avveniment biex inqajmu iktar għarfien fuq is-saħħa fiżika u dik mentali bl-eżerċizzju fiżiku, filwaqt li anke niġbru fondi għat-tewmin. Ir-rispons ta’ mħabba kien inkredibbli (Malta, ir-Renju Unit, Awstralja) u b’hekk b’kuraġġ ikbar minn qatt qabel, aħna nistgħu nkomplu naħdmu u noħolmu ħolm ikbar għall-ġejjieni ta’ uliedna,” temm jgħid Brian.

Jekk tixtieq tgħin lil din il-familja, tista’ tidħol fuq il-paġna tal-‘gofundme’ fuq: https://www.gofundme.com/f/len-jacob-wellness-fund?utm_campaign=p_cp+share-sheet&utm_medium=copy_link_all&utm_source=customer

Ekonomija

Sport