Jiġi inawgurat Ġnien il-Larinġ, sit li kien skedat għall-bini

Aqra wkoll

Żona  ta’ madwar 750 metru kwadru li kienet skedata għall-bini f’Ħal Lija, issa ġiet trasformata fi Ġnien il-Larinġ, spazju miftuħ flok bini grazzi għall-ħidma ta’ Project Green. Ġnien il-Larinġ, jinsab 10 minuti mixi ’l bogħod minn madwar 1,264  resident li jgħixu fil-madwar.

L-ispazju miftuħ ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u t-tim ta’ Project Green flimkien mas-sindku ta’ Ħal Lija Anthony Dalli u membri tal-kunsill lokali.

F’dan is-sit tneħħew madwar ħmistax-il tunnellata ta’ skart sabiex ikun jista’ jiġi mfassal dan il-proġett. Ġew ukoll introdotti passaġġi ġodda aċċessibbli għal kulħadd, inkluż għal persuni b’diżabilità. Bħala parti mix-xogħol inbniet ukoll loġġa b’faċilitajiet sanitarji, filwaqt li ġew introdotti ukoll żoni ta’ mistrieħ u qari. Grazzi għal dan ix-xogħol, sit li kien moħbi u mhux aċċessibbli għall-pubbliku nbidel fi spazju miftuħ ta’ kwalità għall-komunità.

L-għan wara dan il-proġett huwa li jgħaqqad il-ħajja tradizzjonali f’Ħal Lija, fejn ir-residenti, b’mod speċjali l-anzjani, għadhom bi tradizzjoni li joħorġu fit-triq biex jissoċjalizzaw. Għalhekk dan il-ġnien ġie ddisinjat bħala spazju fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu, jirrilassaw u jinteraġixxu.

Ir-raħal ta’ Ħal Lija huwa magħruf għal diversi siġar taċ-ċitru u kien minn hawnhekk li ġie ispirat l-isem ta’ Ġnien il-Larinġ. Il-ġnien jinkludi numru ta’ siġar taċ-ċitru li kienu eżistenti u flimkien magħhom, tħawlu 25 siġra addizzjonali biex ikomplu jsaħħu l-karattru distintiv tal-post u joffru aktar dell u mistrieħ. Tħawlu wkoll madwar 900 pjanta u arbuxell li jfewħu u joffru varjetà ta’ kuluri, u b’hekk joħolqu esperjenza sensorjali aktar rikka u ambjent aktar rilassanti. Fosthom, pjanti aromatiċi bħal lavender, rosemary, sage u thyme, li bil-fwieħa u s-sbuħija naturali tagħhom ikomplu jsaħħu l-karattru tal-ġnien.

Matul l-inawgurazzjoni l-Ministru Miriam Dalli spjegat kif dan il-ġnien ingħata lura lill-pubbliku flok ġie żviluppat. “Illum qed nagħtu lura spazju miftuħ lill-pubbliku, minflok ġie żviluppat. Spazju wara l-ieħor qed inkomplu inwettqu l-viżjoni tagħna, fejn aktar familji jkunu jistgħu jgawdu minn spazji miftuħa. L-għan tagħna huwa li aktar nies joħorġu u jgawdu dawn l-ispazji miftuħa, jissoċjalizzaw filwaqt li jgawdu ħin ta’ rilassament f’ambjent sigur u seren,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Head of Design fi ħdan Project Green, Benjamin Vassallo, irrimarka kif wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-proġett hu li jiġu rrestawrati l-karatteristiċi importanti li jżewqu dan il-ġnien. “Fi Ġnien il-Larinġ ġew identifikati bjar storiċi, li b’reqqa ġew irrestawrati u reġgħu ngħataw il-ħajja bil-għan li jintużaw għat-tisqija tal-istess ġnien u jissalvagwardjaw il-karattru awtentiku tas-sit. F’dan il-ġnien insibu passaġġi li jistimulaw is-sensi, iddisinjati b’materjal naturali bħaċ-ċagħaq bil-għan li jistimulaw pressure points waqt il-mixi, u joffru sens ta’ terapija. Illum qed naraw ġnien miftuħ, hekk kif għal bosta snin dan is-sit kien moħbi, u biex ikompli jikkumplimenta ż-żona rajna li jinħadem fencetal-ħadid, stil tipiku tad-djar fil-qalba tal-irħula Maltin,” qal Benjamin Vassallo.

Is-Sindku ta’ Ħal Lija Anthony Dalli rringrazzja lil Project Green għall-ħidma biex minn art abbandunata llum ġiet trasformata fi spazju miftuħ. “Permezz ta’ Project Green, rajna  kif ġnien mitluq li kien jakkumula l-ħmieġ, illum qed naraw trasformazzjoni sħiħa fi ġnien mimli siġar taċ-ċitru, li dan ir-raħal tant huwa magħruf għalih. Inħeġġeġ lir-residenti ta’ Ħal Lija biex jiġu jżuru Ġnien il-Larinġ u jibżgħu għalih,” saħaq is-Sindku Anthony Dalli.

Dan huwa eżempju ċar ta’ kif art li għal snin twal kienet moħbija u abbandunata tista’ tingħata ħajja ġdida u, fuq kollox, tingħata lura għat-tgawdija lill-komunità.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport