Saturday, December 21, 2024

Jiġu rranġati u jingħataw it-tarmak żewġ toroq f’Għawdex b’valur ta’ aktar minn €370,000

Aqra wkoll

Triq Birbuba u Triq ta’ Sdieri fl-Għarb ġew irranġati u ngħataw it-tarmak. Dawn iż-żewġ toroq huma parti minn kullana ta’ toroq li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed ikompli jirranġa b’investiment bla preċedent madwar il-gżira Għawdxija.

Wara li nbidlulha s-servizzi, Triq Birbuba, l-Għarb, li fiha 2,190 metru kwadru, ġiet irranġata u ngħatat it-tarmak b’valur ta’ €206,113. Min-naħa l-oħra, Triq ta’ Sdieri tħammlet sal-blat, inbena walk-in culvert għas-servizz tad-dawl u reġa’ ġie mgħoddi s-servizz tad-drenaġġ u tal-main tal-ilma. Barra minn hekk, inbnew mill-ġdid il-ħitan tal-ġnub tat-triq. It-triq bi 302.4 metri kwadri ngħatat it-tarmak u tlestiet b’valur ta’ €165,200.

Il-Ministeru għal Għawdex din is-sena kompla bi programm ambizzjuż bl-investimenti fl-infrastruttura, ir-riġenerazzjoni ta’ pjazez u bajjiet, titjib tal-faċilitajiet, u mmodernizzar fl-infrastruttura rurali u residenzjali.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq f’Għawdex se tibqa’ prijorità bil-fatti. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ proġetti ta’ bini ta’ toroq arterjali u residenzjali f’Għawdex, din is-sena biss sa Settembru 2021 tlestew madwar 34,000 metru kwadru ta’ toroq ġodda. Huwa fakkar kif fil-Baġit għall-2022 ġew allokati €11-il miljun għall-kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq – baġit ieħor rekord fl-infrastruttura li jikkonferma bil-fatti l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex li jibqa’ jimmodernizza t-toroq f’Għawdex.

Ekonomija

Sport