Monday, January 13, 2025

Jinfetaħ il-proċess tan-nominazzjonijiet għas-Sport for Social Change Award

Aqra wkoll

Assoċjazzjonijiet Sportivi Lokali, Federazzjonijiet, Organizzazzjonijiet mhux Governattivi u Organizzazzjonijet Volontarji qed ikunu mistiedna biex jissottomettu n-nominazzjonijiet tagħhom għall-kategorija ‘Sport for Social Change’ tal-65 Edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali.

Għat-tieni sena konsekuttiva se jiġi ppreżentat dan l-unur waqt L-Għażliet Sportivi Nazzjonali, sabiex tintwera l-importanza u l-apprezzament tax-xogħol imprezzabbli ta’ organizzazzjonijiet madwar il-gżejjer Maltin li qed jużaw l-isport jew attività fiżika sabiex joħolqu impatt pożittiv fuq il-komunitajiet lokali u individwi fil-bżonn.

L-għan tal-unur ‘Sport for Social Change Award’ huwa biex iżid iktar interess fl-entitajiet sportivi biex jagħmlu iktar ħilithom u jkomplu jgħinu lil min hu fil-bżonn. Assoċjazzjonijiet Sportivi, Federazzjonijiet, Organizzazzjonijiet mhux Governattivi kif ukoll Organizzazzjonijiet Volontarji jistgħu jissottomettu l-inizjattivi tagħhom li jkunu saru bejn l- 1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena li tkun qed tiġi evalwata (2024). L-inizjattiva/i jistgħu jkunu wiesa’ fuq bażi nazzjonali jew fuq bażi lokali.

L-Award se jirrikonoxxi l-isforz li qed isir fis-settur li jinkludi klabbs professjonali, għaqdiet ta’ karita’, għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fl-isport, is-settur pubbliku, u programmi ta’ responsabbilta’ soċjali korporattiva li jsiru anke mill-privat.

Organizzazzjonijiet li qed jaħdmu fi ħdan is-setturi li jaffaċjaw problemi soċjali f’Malta, bħal saħħa mentali u fiżika, esklużjoni soċjali, solitudni, razziżmu, inugwaljanza u diskriminazzjoni, kriminalita’ u qgħad, kollha huma mħeġġa biex jibagħtu n-nominazzjoni tagħhom għal din l-award. Inizzjattivi li jitrattat il-problemi ambjentali wkoll se jkunu kkunsidrati.

Organizzazzjonijiet, kemm li jaħdmu direttament fl-Isport jew barra mill-isport, qed jiġu mistiedna biex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom għal dan l-award, li se jkun iġġudikat minn panel ta’ esperti fuq dawn il-kriterji:

Innovazzjoni u / jew kollaborazzjoni (10 punti)

Impatt u kif tilħaq in-nies (10 punti)

Skala u diffikulta’ tal-problema/i li qed jaħdmu fuqha (10 punti)

Wirt u sostennibilta’ tal-proġett (10 punti)

Riżorsi u dedikazzjoni tal-istaff, kowċis u voluntiera (10 punti)

L-esperti se jkunu qed isegwu u jevalwaw iċ-ċarezza u t-trasparenza tal-proġett, u dawk in-nominazzjonijiet li jiġu short-listed, jistgħu jintalbu jippreżentaw prova jew iktar informazzjoni.

L-applikanti jridu jippreżentaw ħarsa ġenerali ta’ mhux aktar minn 300 kelma fejn jiddeskrivu l-proġett tagħhom jew ix-xogħol li jkun għadu għaddej. Iridu jżidu wkoll case-study ta’ 200 kelma fejn juru l-impatt tal-programm, eżempju fuq individwu speċifiku jew komunita’. Dan għandu jsir billi timtela’ din il-formola diġitali: https://forms.gle/47PBKPGopFDeNiet5

Ir-rebbieħ ta’ dan l-award se jingħata trofew speċjali waqt il-65 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali, nhar is-Sibt l-1 ta’ Marzu 2025.

Aktar dettalji jistgħu jinkisbu billi tintbagħat email lis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Lorraine Cunningham fuq [email protected].

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport