Saturday, December 21, 2024

Jinfetħu l-applikazzjonijiet għal Mużika Mużika 2024

Ippreżentati t-trofej lir-rebbieħa tat-tielet edizzjoni

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li l-applikazzjonijiet għal Mużika Mużika 2024 huma uffiċjalment miftuħa.

Matul attività li fiha ġew ippreżentati t-trofej lir-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ dan il-festival, il-Ministru Bonnici qal li għat-tielet sena konsekuttiva, Mużika Mużika rnexxielu jissupera l-aspettattivi kemm tal-kantanti, tal-kompożituri, u tal-awturi, kif ukoll tal-udjenzi numerużi li jsegwu dan il-festival.

“Ninsab ċert li Mużika Mużika tas-sena d-dieħla se jkun ta’ suċċess ukoll u se jkompli jiċċelebra bl-aqwa mod is-sbuħija tal-lingwa Maltija li tgħaqqadna u ġġibna flimkien bħala poplu,” tenna l-Ministru Bonnici. Huwa rringrazzja lill-artisti kollha tas-sehem tagħhom fil-festival filwaqt li awgura lir-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, iċ-Chairman tal-Bord ta’ Mużika Mużika, Raymond Bugeja, u d-Direttur Artistiku, Paul Abela, tkellmu dwar is-suċċess u l-livell li rnexxielu jilħaq il-festival u saħqu li ser tkompli l-ħidma biex dejjem jintlaħqu miri ġodda. Huma ħeġġew lill-kantanti, lill-kompożituri, lill-awturi u lill-bands, kemm emerġenti kif ukoll dawk stabbiliti, biex japplikaw għar-raba’ edizzjoni tal-festival u jkunu parti mil-legat tiegħu.

L-edizzjoni tal-2023 intrebħet mill-kanzunetta ‘Sabiħa’, interpretata minn Gianluca Bezzina, b’lirika ta’ Joe Julian Farrugia u b’mużika ta’ Philip Vella.

Il-kanzunetta ‘Jekk Mhux Int’, interpretata minn Drakard u Lisa Gauci, fuq kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Cyprian Cassar, ikklassifikat fit-tieni post, filwaqt li l-kanzunetta ‘M’Hawnx Bħalek’ interpretata minn Jasmine Abela, fuq kliem ta’ Philip Vella u mużika ta’ Glen Vella, ikklassifikat fit-tielet post.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġew preżentati wkoll it-trofej kommemorattivi lil Ryan Paul Abela għall-Aħjar Arranġament tal-kanzunetta ‘Fuq Pultruna’, interpretata, miktuba u mużika ta’ Mark Micallef Costa, u lil Jasmine Abela għall-Aħjar Interpretazzjoni tal-kanzunetta ‘M’Hawnx Bħalek’.

Il-kompożituri tal-kanzunetti li kklassifikaw fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet post ġew mogħtija l-premju monetarju ta’ €20,000, €10,000, u €5,000 rispettivament.

Ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika ser issir bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2024. Biex tapplika u tara r-regolamenti ta’ din l-edizzjoni żur www.muzikamuzika.mt.

L-applikanti jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom sas-17 ta’ Ottubru 2023. Is-sottomissjonijiet jistgħu jsiru online sal-4:00 ta’ waranofsinhar tas-17 ta’ Ottubru jew b’mod fiżiku bejn is-16 u s-17 ta’ Ottubru 2023 fl-uffiċċju ta’ Festivals Malta, bejn id-9:00 ta’ filgħodu u l-4:00 ta’ waranofsinhar.

Ekonomija

Sport