Tuesday, May 14, 2024

Seba’ xhur ħabs talli weġġa’ lill-pulizija wara li ressquh minn ħdejn in-nar tal-art

Aqra wkoll

Alan Spiteri ta’ 21 sena kien ikkundannat seba’ xhur ħabs u mmultat €4,500 wara li ammetta li hedded u weġġa’ ħafif lill-pulizija li kienu marru biex jipprovaw iressquh minn ħdejn in-nar tal-art li kien qed jinħaraq waqt il-festa ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ.

Il-każ seħħ nhar il-11 ta’ Ġunju 2023, f’xi ħin bejn nofsillejl u t-3.30 a.m. fi Triq Sciortino. Jidher li ż-żagħżugħ ma riedx jobdi l-ordnijiet tal-pulizija, li ngħataw għall-protezzjoni tiegħu stess u wara li xi membri tal-pubbliku ukoll kienu qalulu biex jersaq, u meta pprovaw iressquh minn ħdejn in-nar tal-art huwa beda jirreżistihom.

Huwa kien arrestat u ttieħed lejn l-Għassa. Hemmhekk, waqt li ngħatatlu kura medika minħabba episodju li kellu, l-imputat allegatament ta daqqa ta’ sieq fl-irkoppa lill-ispettur u pprova jigdem Kuntistabbli. Huwa wkoll beżaq fuq l-istess pulizija. 

Spiteri għażel li jammetti għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Fl-istqarrija tiegħu, l-imputat, filwaqt li sostna li ma tantx jiftakar għemilu, qal li huwa dispjaċut ta’ dak li għamel. 

Il-Qorti saħqet ukoll li l-fatt li jidher li l-imputat kien xurban waqt dan l-episodju ikrah, dan ma jistax jitqies bħala skużanti. Mill-banda l-oħra, qalet li l-fatt li ammetta mal-ewwel u ddispjaċieh għal dak li għamel, ma jfissirx li l-piena ma kellhiex tkun waħda karċerarja, iżda waħda lejn il-minimu tagħha. 

Għal dawn ir-raġunijiet ikkundannatu piena ta’ seba’ xhur priġunerija effettiva u multa ta’ €4,500 li għandha titħallas b’mod immedjat. Fin-nuqqas li l-multa titħallas puntwalment, din għandha tiġi konvertita fi priġunerija skont il-liġi. 

Sport