Sunday, December 22, 2024

Jinġabru 15-il tunellata ta’ skart wara l-festi ta’ San Patrizju

Aqra wkoll

Fi ftit sigħat id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabru madwar 15-il tunellata ta’ skart wara l-festi ta’ San Patrizju f’San Ġiljan. Dan qalu l-Ministru Clayton Bartolo f’messeġġ li kiteb fuq il-midja soċjali.

Ilbieraħ eluf ta’ persuni nġabru San Ġiljan biex jiċċelebraw din il-festa li kull sena qiegħda żżid mal-popolarità tagħha.

Il-ħidma ta’ CleanMalta fl-imsemmija lokalità kienet tinvolvi 22 ħaddiem li permezz ta’ 2refuse vehicles, high pressure street washer, water bowser, 3 tipper vans u 2 fully electric sweepers daru żoni f’San Ġiljan li jinkludu l-akwati kollha ta’ Paceville, Triq San Ġorġ u x-xatt tal-madwar.

Dawn id-dettalji ġew imħabbra waqt żjara li għamlu l-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield, flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara f’San Ġiljan fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu.

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni kienet preparata bil-ħaddiema tant abbli tagħha kkumplimentata mill-investiment riċenti li sar f’apparat teknoloġiku u ambjentali. “Maltin, Għawdxin, kif ukoll turisti irrikorrew bl-eluf għal din il-festa ta’ divertiment li f’dawn l-aħħar snin saret tattira massa ta’ nies lejn l-inħawi ta’ San Ġiljan u Paceville. L-impenn tagħna ser jissokta billi naħdmu iżjed biex it-turiżmu u l-indafa pubblika jimxu id f’id għaż-żmien li ġej,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.

Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield elenka kif grazzi għad-dedikazzjoni tal-ħaddiema ta’ din id-Diviżjoni, min se jgħaddi mit-toroq ta’ San Ġiljan illum lanqas ser jinduna li lbieraħ kien hemm daqstant attività, hekk kif f’temp ta’ ftit sigħat kollox kien imnaddaf. “Huwa kruċjali illi x-xogħol ta’ tindif isir wara li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jgħaddu, imma huwa daqstant ieħor importanti illi dawk kollha li jattendu jagħmlu l-parti tagħhom sabiex jgħinuna verament nieħdu ħsieb pajjiżna,” temm jgħid is-segretarju parlamentari.

Id-Direttur Ġenerali Ramon Deguara tenna li t-tindif sar f’ħin relattivament qasir u dan huwa grazzi għal kordinazzjoni  bejn ir-riżors uman u l-investiment li sar fl-aħħar xhur, li qed jagħtu riżultat mill-aqwa. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema għax-xogħol eċċellenti li jwettqu.

Ekonomija

Sport