Matul is-sena li għaddiet inġabru mas-57,600 tunnellata ta’ skart illegali, b’46,000 tunnellata minnhom ikunu skart tal-kostruzzjoni. Minn dawn tal-aħħar, 40,000 tunnellata (ta’ skart tal-kostruzzjoni) tneħħew mis-sit fejn se jkun qiegħed isir il-proġett taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħata rendikont tal-ħidma mwettqa mid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni fl-2024. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni Ramon Deguara.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Bedingfield fisser kif ir-riżultati miksuba s-sena l-oħra huma xhieda tal-impenn u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema kollha tad-Diviżjoni, illi jaħdmu qatigħ biex ikollna pajjiż isbaħ u nadif.
Huwa semma kif fl-2024 kien hemm titjib fil-kundizzjonijiet u l-pagi ta’ dawn il-ħaddiema, li kienet ukoll waħda mill-prijoritajiet tiegħu meta beda f’din il-kariga. Intqal ukoll li fl-istess sena, id-Diviżjoni rċeviet mal-20,000 rapport (fuq il-1718 jew permezz tal-App Clean and Upkeep) li 96% minnhom ġew solvuti fi ftit ħin jew f’ħin raġjonevoli.
Is-Segretarju Bedingfield kompla jgħid li kien hemm 4,000 persuna li niżżlu l-imsemmija app fl-2024, biex b’kollox illum din tintuża minn madwar 20,000 persuna.
Finalment, huwa tenna li matul l-2025 “se nkomplu naraw li naħdmu id f’id mal-Kunsilli Lokali u se nniedu proġetti ġodda fosthom bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali u rridu nħarsu ’l quddiem biex intejbu l-operat u nkunu Diviżjoni aktar effiċjenti milli qatt konna.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif ir-rapporti li qiegħda tirċievi d-Diviżjoni huma xhieda tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku. “Nemmen li din hi kruċjali għalina biex iż-żamma tal-indafa tibqa’ tkun sforz konġunt,” qalet il-Ministru Dalli filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema tad-Diviżjoni tax-xogħol tagħhom.
Hija għamlet referenza għall-kampanja edukattiva ta’ Xummiemu li għandha l-għan li żżid l-għarfien dwar l-indafa pubblika u tkellmet ukoll dwar l-app Clean and Upkeep fejn ħeġġet biex aktar nies iniżżluha.
“Jiena nara l-indafa bħala parti minn katina ta’ responsabiltajiet. L-indafa hi parti mil-viżjoni usa tagħna għax irridu nkomplu nqajmu għarfien dwar il-ħtieġa li nipproteġu l-ambjent fl-istess ħin li nżommu pajjiżna sabiħ u nadif,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.