Friday, October 25, 2024

Jingħalaq il-proċess tal-ġbir ta’ provi fl-inkjesta pubblika dwar Jean Paul Sofia

Aqra wkoll

Iċ-chairperson tal-bord tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, iddikjara li kien qiegħed jagħlaq il-proċess tal-ġbir ta’ provi.

Zammit McKeon qal li fi 15-il seduta nstemgħu 69 xhud fejn kien hemm xhud li xehed aktar minn darba. Issa l-familja ta’ Jean Paul Sofia u l-Avukati tal-Gvern għandhom sal-aħħar tas-sena biex iressqu l-aħħar sottomissjonijiet. B’dan il-bord tal-inkjesta qiegħed jantiċipa li sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla jkun jista’ jippreżenta r-rapport tal-inkjesta lill-Prim Ministru.

Fl-aħħar seduta nstemgħu ħames xhieda oħrajn li kollha kienu mressqin mill-Avukat tal-Gvern. Fosthom kien hemm l-Avukat Kurt Scerri lettur fil-Fakultà tal-Liġi fl-Universita li xehed dwar l-inkarigu li kien ingħata mill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi f’Diċembru tas-sena l-oħra. Dan kien biex jiġu studjati l-liġijiet kollha li hemm marbutin mal-kostruzzjoni.

Hu xehed li x-xogħol inqasam fi tliet każijiet. L-ewwel waħda hija li fiha ġew elenkati l-liġijiet kollha marbutin mal-kostruzzjoni, u din il-fażi hija lesta. It-tieni fażżi li mistennija li titlesta sal-aħħar ta’ dan ix-xahar hija dwar kunflitti bejn il-liġijiet eżistenti u sal-aħħar ta’ Frar tas-sena d-dieħla tkun lesta l-aħħar fażi li fiha jiġu indirizzati l-kunflitti kollha b’emendi.

Dr Scerri qal li minn dak li diġà ġie stabbilit ħareġ li binjiet li ma jmissux ma’ oħrajn mhumiex regolari għax hemm vojt legali dwar dan. Qal li dwar l-inċident li fih miet Jean Paul Sofia, il-BCA ma kellhiex ġurisdizzjoni fuq bini bħal dak fejn seħħet din it-traġedja.

Sport