Saturday, May 18, 2024

Jingħata bidu b’mod uffiċjali għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 b’ċerimonja spettakolari

Aqra wkoll

F’ċerimonja mill-isbaħ u ferm spettakolari li saret fuq il-Fosos tal-Furjana, ingħata bidu b’mod uffiċjali għad-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023, li qed isiru proprju f’pajjiżna.

Indirizzaw lil dawk preżenti l-Onorevoli Prim Ministru, Dr Robert Abela, l-Onorevoli Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Dr Clifton Grima, il-president tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), Julian Pace Bonello, u l-President tal-Kumitat Olimpiku tal-Ewropa (EOC), Spyros Capralos, li żar pajjiżna fin-nuqqas tal-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC), Thomas Bach, li ma setax jattendi minħabba raġunijiet personali.

Tkellmu wkoll il-captain ta’ Team Malta, Eleanor Bezzina f’isem l-atleti, il-coach tal-atletika, Mario Bonello f’isem il-coaches u l-viċi-president tal-ASA, David Bonello f’isem l-uffiċjali li taw il-wegħda tagħhom li se jirrispettaw il-valuri li jsawru l-isport matul din il-ġimgħa ta’ Logħob.

Din iċ-ċerimonja saret bil-parteċipazzjoni ta’ artisti differenti fi spettaklu mill-isbaħ mimli talent Malti u internazzjonali fosthom tat-tenur ta’ fama mondjali Joseph Calleja. Kienet serata kkaratterizzata minn aspett sportiv, soċjali u kulturali.

Spikka fost oħrajn il-palk bil-forma tas-salib tal-Kavallieri, bit-tmien ponot u bil-George Cross fiċ-ċentru li espona dak kollu li hu Malti.

Sport