Il-President ta’ Malta, Dr George Vella, jiddefinixxi l-Istrina bħala “Jum ta’ għaqda nazzjonali” għaliex minkejja d-differenzi li jeżistu fost il-poplu, aħna l-poplu Malti u Għawdxi ningħaqdu kollha flkimen għal dil-kawża ġusta; sa anki l-partiti politiċi jwarrbu d-differenzi tagħhom.
Ftit tal-ħin ilu bdiet l-Istrina — il-maratona annwali b’risq il-Malta Community Chest Fund, fejn attendew l-ogħla awtoritajiet ta’ Malta, inkluż il-President, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, u l-Arċisqof Charles Jude Scicluna.
“Is-somma tal-Istrina tirrifletti l-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi,” saħaq il-President.
Il-President Vella rringrazzja lill-ħaddiema, lit-tekniċi u l-voluntiera involuti fl-Istrina, għaliex mingħajr l-għajnuna tagħhom ma kienx ikun possibbli li tittella’ din il-maratona. Irringrazzja wkoll lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li se jikkontribwixxu għal din il-kawża ġusta.
Huwa sostna li huwa obbligu li “Kull ewro jitqassam b’mod ġust” u ħeġġeġ biex nikkontribwixxu mill-ftit li nistgħu f’din il-maratona.