Thursday, December 26, 2024

Jinġabru iktar minn miljun ewro fl-Istrina 2024

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

AĠĠORNAT: Is-somma ta’ flus fi ġbir kompliet tikber hekk kif issa nġabru aktar minn miljun ewro.

Dawn il-flus kollha se jmorru biex aktar nies b’mard jingħataw l-għajnuna meħtieġa.

Aktar kmieni: Jingħata bidu għal edizzjoni oħra tal-Istrina

Fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, ingħata bidu għal edizzjoni oħra tal-maratona “L-Istrina” b’risq il-Malta Community Chest Fund. 

L-Istrina fetħet f’nofsinhar bil-messaġġi mill-ogħla awtoritajiet ta’ pajjiżna u se tibqa’ għaddejja sa nofsillejl.

Fil-ftuħ ta’ din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi, il-President Myriam Spiteri Debono qalet li filwaqt li għadna kif iċċelebrajna l-Milied, mhux kulħadd seta’ jkun miġbur flimkien għaċ-ċelebrazzjoni tat-twelid ta’ Ġesù Bambin. Dan għaliex hemm min qiegħed għall-kura fl-isptarijiet Maltin jew barra minn Malta. 

“Qed nitlob l-għajnuna tagħkom biex inkunu nistgħu ngħinu lil dawk kollha li jirrikorru għall-għajnuna. Konvinta li se tisimgħu dak li qed nitolbu mingħandkom,” qalet il-President. 

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li s-26 ta’ Diċembru sar sinonimu maċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-akbar valuri li għandu l-poplu Malti u Għawdxi, dawk tas-solidarjetà u l-ġenerożità. Dr Abela enfasizza li din hija okkażjoni li tgħaqqad lill-poplu kollu fi spirtu ta’ għaqda nazzjonali. 

“Jiena ngħid li din għandha tkun ċelebrazzjoni ta’ dawn il-valuri sbieħ, li rridu nibqgħu nġorruhom tul is-sena kollha,” sostna l-Prim Ministru filwaqt li ppreżenta s-somma ta’ €100,000 mill-Fond għall-Kawżi Soċjali b’risq l-Istrina.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna li għal darba oħra l-poplu se jerġa’ jaqbad it-tradizzjoni sabiħa ta’ poplu wieħed ġeneruż, li jaf iħobb u jgħożż. “L-appell tiegħi lill-poplu Malti u Għawdxi biex jerġa’ jagħmel il-parti tiegħu biex jgħin lil dawk li jkunu għaddejjin minn xi diffikultà. Għadna kif iċċelebrajna l-Milied. Il-poplu llum se jerġa’ jwelled festa ġdida ta’ ġenerożità u mħabba lejn ħutna Maltin u Għawdxin,” qal Dr Grech. 

L-Arċisqof Charles J. Scicluna appella biex ir-rigal tal-Istrina din is-sena nagħmluh bil-qalb u nawguraw il-ġid lil min se jirċievi l-għajnuna mill-MCCF, imma wkoll lill-Maltin u l-Għawdxin kollha li nikbru fl-għaqda u fl-imħabba.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport