Fil-jiem li għaddew ingħata bidu għall-kampjonat tal-ISA wara li ntlagħbu wkoll is-semi-finali tal-Catania Cup fejn il-finali se tintlagħab bejn Lufthansa u Methode, f’Jannar li ġej.
Lufthansa …………2
Toly Products ……3
Fl-ewwel partita, Toly Products għelbu lil Lufthansa bl-iskor ta’ 3-2. Kienet partita eċċitanti fejn il-goalkeepers kienu protagonisti biex setgħet marret kull naħa.
Toly Products fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals minn Mark Xuereb u Chris Ciappara.
Lufthansa, li ħassew in-nuqqas ta’ Sean Magro, James Shead u Steve Buttigieg, fit-tieni taqsima għamlu reazzjoni u naqqsu d-distakk permezz ta’ Saviour Brincat li venven xutt li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Costa jsalva.
Huma komplew jippressaw fit-tentattiv li jiksbu l-goal tad-draw iżda f’kontrattakk veloċi kienu Toly li skorjaw it-tielet goal permezz ta’ Juan Galdes. Peró Juan Galdes reġa’ daħħal lil Lufthansa fil-partita biex kien hemm tmiem eċċitanti, b’Toly jirreżistu għal kull forma ta’ pressjoni tal-avversarji biex is-suffara finali tar-referee Karistu Portelli ddikjarathom rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2.
Methode………5
Aurobindo ……1
Methode rreġistraw rebħa komda ta’ 5-1 fuq Aurobindo. Kif jindika r-riżultat, huma ddominaw dan il-konfront u kmieni fil-partita fetħu l-iskor minn Pranan. Peró kontra x-xejra tal-logħob Aurobindo kisbu d-draw permezz ta’ Dean Grech.
Dan il-goal ħasad lil Methode li assedjaw il-lasti avversarji iżda sabu lill-goalkeeper, Roberto Bellinvia, f’burdata mill-aqwa li, bla dubju, qed ikun l-aqwa player ta’ Aurobindo f’kull partita.
Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, Luca Pullicino, xeħet lil Methode fil-vantaġġ. Wara l-mistrieħ huma komplew jiddominaw biex skorjaw tliet goals oħra mingħajr risposta fejn il-protagonista kien Nicola Neskovic li skojra hat-trick. Ir-referee kien Karistu Portelli.