Tuesday, May 14, 2024

Jingħata bidu għall-Valletta Green Festival 2022

Aqra wkoll

Aktar kmieni llum, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef, flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, kienu jinsabu Pjazza San Ġorġ biex jagħtu bidu għall-Valletta Green Festival 2022.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef spjega li: “Il-Valletta Green Festival huwa l-ewwel minn serje ta’ avvenimenti tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li qed isir fil-miftuħ din ir-rebbiegħa”. Huwa kompla jgħid li dan il-festival juri biċ-ċar l-impenn tal-aġenzija li toħloq kuxjenza dwar l-ambjent, mhux biss fil-proġetti u l-binjiet tagħha, iżda lil hinn.

Il-Ministru Bonnici nnota li sena wara l-oħra, il-Valletta Green Festival qed jibqa’ jżid fil-popolarità. Huwa jattribwixxi li r-raġuni għal dan hija li t-tema hija waħda ambjentali u għal qalb ħafna nies. Għalhekk, waħda mill-prijoritarijiet ta’ dan il-Gvern hi “Li jkun hawn iżjed proġetti ambjentali u sostenibbli fiż-żoni urbani għall-benefiċċju taċ-ċittadini,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali Jason Micallef, il-Ministru Owen Bonnici u l-Ministru Miriam Dalli waqt il-Valleta Green Festival. Ritratt: Alan Saliba

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħeġġet lill-pubbliku biex jattendi l-festival u jgawdi l-ġmiel tal-infjorata u l-attivitajiet li qed jittellgħu. Hija qalet li kull min jattendi għal dan il-festival se jkollu l-opportunità li jesperjenza x-xogħol li jagħmlu entitajiet differenti għall-protezzjoni ambjentali u naturali filwaqt li jiksbu aktar informazzjoni dwar il-widien, il-bijodiversità, l-abitat naturali u s-separazzjoni tal-iskart, fost oħrajn”.

Dan l-avveniment annwali li huwa sinonimu mar-rebbiegħa, jiġi fi tmiemu nhar il-Ħadd li ġej, l-1 ta’ Mejju.

L-infjorata ta’ din is-sena li tinsab fi Pjazza San Ġorġ. Ritratt: Alan Saliba

Matul dawn l-erbat ijiem tal-festival, l-infjorata — li hija l-attrazzjoni prinċipali tal-festival, se tkun qed issebbaħ Pjazza San Ġorġ. L-infjorita għall-edizzjoni ta’ din is-sena ġiet iddisinjata mid-Disinjatur Grafiku tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Clint Spiteri.

It-tema għall-edizzjoni ta’ din is-sena hija l-importanza tal-ispazji pubbliċi, il-protezzjoni tal-abitat naturali u l-effett li dan għandu fuq il-flora u l-fawna tal-gżejjer tagħna.

Sport