Sunday, December 22, 2024

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li dejjaq lill-eks sieħba permezz ta’ telefonati u messaġġi

Aqra wkoll

Kroat ta’ 36 ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li dejjaq lil-eks sieħba tiegħu u omm ibnu permezz ta’ messaġġi u telefonati.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat kif ir-relazzjoni bejn l-imputat u s-sieħba ntemmet madwar tliet snin ilu. Ingħad li minkejja dan, l-imputat baqa’ imħasseb minħabba xi persuni li setgħu kienu qed jiltaqgħu ma’ ibnu ta’ erba’ snin.

Intqal ukoll li mal-Pulizija, il-vittma qalet li allegatament l-eks sieħeb daħal fl-appartament tagħha u li beda jibki u jitlobha bil-ħniena terġa’ tibda relazzjoni miegħu. Hija qalet ukoll li rċeviet diversi telefonati u messaġġi mingħandu, b’xi drabi anke min-numru differenti minn tiegħu.

L-imputat wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest bir-raġuni li l-imputat huwa persuna affidabbli u li qatt ma xellf dufrejh mal-ġustizzja. Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet li ma qablitx mad-Difiża minħabba biża’ ta’ ntralċ ta’ provi.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li l-akkużat jiffirma darbtejn fil-ġimgħa u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Ekonomija

Sport