Saturday, December 21, 2024

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li kkorrompa lit-tifel tas-sieħba tiegħu

… id-Difiża tgħid li l-akkużi “ġew ivvintati” mill-eks raġel tal-mara

Aqra wkoll

Raġel ta’ 42 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li kkorrompa lit-tifel tas-sieħba tiegħu, li għandu ħames snin.

Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien akkużat b’korruzzjoni ta’ minorenni, li wettaq atti mhux kunsenswali ta’ natura sesswali ma’ minuri u li ssuġġettah għal atti ta’ intimità fiżika mhux mixtieqa. 

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bid-Difiża tgħid li r-rapport ippreżentat kontra l-klijent tagħhom sar b’mod malizzjuż. 

L-Ispettur Kylie Borg spjegat li kellhom jinħarġu l-akkużi minħabba li r-rapport tal-pulizija kien ġie ppreżentat qabel il-konklużjoni tar-rapport tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, li ma kien irrakkomanda l-ebda azzjoni. 

L-Avukat Difensur Albert Zerafa insista li l-allegazzjonijiet kienu vvintati mill-eks raġel tas-sieħba tal-imputat, li qal li ma kienx qed jaċċetta li telqitu u minn dak iż-żmien ibnu kien stabbilixxa relazzjoni tajba mal-imputat. 

Zerafa spjega li s-sieħba tal-akkużat u l-eks raġel tagħha kienu ddivorzjaw, b’binhom jispiċċa maqbud fin-nofs. Qal ukoll li l-imputat kellu wkoll it-tfal tiegħu, li qatt ma kienu taw raġuni biex jissuspettaw ħażin f’missierhom. 

Huwa żied jgħid li l-allegazzjonijiet kienu wkoll is-suġġett ta’ investigazzjoni mis-servizzi soċjali, li kienet ġiet konkluża f’Awwissu, u li ma rrakkomandat l-ebda azzjoni. 

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqgħet it-talba tad-Difiża u tat lir-raġel il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000. 

Il-Qorti ordnat ukoll biex it-tifel jirrisjedi mal-missier bijoloġiku tiegħu sakemm jinqata’ l-każ.

Ekonomija

Sport