Tuesday, September 24, 2024

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ħebb għal sieħbu 

Aqra wkoll

Bernard Attard ta’ 32 sena minn Ħaż-Żebbuġ ingħata l-ħelsien mill-arrest, wara li tressaq il-Qorti, mixli li alleġatament hedded, ħebb u kkawża ġrieħi ħfief lil sieħbu. Huwa ġie akkużat ukoll li kien reċediv u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-każ seħħ fis-6 ta’ Marzu, meta l-vittma mar quddiem il-bieb tal-akkużat. L-akkużat ħareġ għalih b’ħadida, kissirlu l-karozza, ħebb għalih u kkaġunalu ġrieħi ħfief. Fil-Qorti nstema’ kif il-vittma ħebb għal missier l-akkużat u kkawżalu wkoll ġrieħi ħfif. 

L-akkużat wieġeb li mhuwiex ħat għall-akkużi kontrih, bid-Difiża tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-akkużat kien taħt police bail u dakinhar tal-allegat reat minflok ma ċempel lill-pulziija, huwa ħareġ għall-vittma b’ħadida biex jikkonfrontah.

Il-Maġistrat Charmaine Galea laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-kundizzjoni li jiffirma l-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ darbtejn fil-ġimgħa, filwaqt li ordnatlu sabiex jiddepożita s-somma ta’ €2,000 ewro u garanzija personali ta’ €4,000.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Sammut. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Jose Herrera, Matthew Xuereb u Alexander Scerri Herrera.

Sport