Benjamin Maria F. Sauerborn, Żvediż ta’ 23 sena ngħata sentenza ta’ ħabs sospiża wara li ammetta li wettaq diversi serqiet minn supermarket fil-Fgura.
Hu kien tressaq il-Qorti fit-12 ta’ Ġunju li għadda fejn kien akkużat li minbarra li wettaq is-serqiet kellu fil-pussess tiegħu sikkina mingħajr il-liċenzja tal-pulizija.
Quddiem il-Maġistrat, l-Iżvediż ammetta biss għall-ewwel akkuża kontrih, iżda aktar tard waqt il-proċess ammetta għall-akkużi kollha. Id-difża qalet li hu kien ħallas il-prezz ta’ dak kollu li kien seraq mis-supermarket.
Il-Qorti filwaqt li sabet lir-raġel ħati fuq ammissjoni tiegħu stess ikkundannatu sena ħabs sospiżi għal sentejn.
Il-Maġistrat ħarġet ordni biex il-ħati jingħata trattament biex jiġġieled il-vizzju tax-xrob.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Kitcher.