Monday, December 23, 2024

Jingħataw aktar minn 300 tilqima mill-mobile clinic biswit il-Parlament

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minkejja li t-temp dalgħodu kien ikkaratterizzat minn ħalbiet tax-xita u riħ qawwi f’xi waqtiet, bosta kienu dawk li kkonkorrew biex jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19, mingħajr il-bżonn ta’ appuntament, mill-mobile clinic li kien hemm biswit il-Parlament.

Dan is-sit tkellem mal-kordinatur tal-programm ta’ vaċċinazzjoni, l-infermier Jorgen Souness, li spjega kif f’inqas minn sagħtejn, minn din il-mobile clinic ingħataw ‘il fuq minn 300 tilqima.

“Qed ikollna ħafna nies li tilfu l-appuntament tagħhom għall-booster minħabba raġunijiet personali. Qed nilħqu wkoll barranin li għandhom residenza f’Malta kif ukoll Maltin li f’dawn l-aħħar jiem kienu ħadu l-ewwel doża u issa qed jieħdu t-tieni doża, u anke li jiġu biex jieħdu l-ewwel doża,” spjega Souness.

Huwa qal ukoll li ċ-ċentru tat-tilqim fl-Università huwa miftuħ għal min irid jitlaqqam bla appuntament, kemm għall-adulti matul il-ġimgħa kif ukoll għat-tfal fi tmiem il-ġimgħa. Nhar il-Ġimgħa filgħaxija, il-mobile clinic se jkun f’Ta’ Pinu, Għawdex. 

Ekonomija

Sport