Saturday, October 26, 2024

Jingħataw dettalji tal-format il-ġdid tal-BOV Kampjonat Premier 2024/25

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ingħataw dettalji dwar il-format il-ġdid tal-BOV Kampjonat Premier li jibda fl-istaġun 2024/25,  miċ-chairman tal-Malta Premier League, Joseph Muscat, u miċ-chairman tal-Malta Premier League Limited, Alan Abela.

Tnax-il team se jkunu qed jieħdu sehem f’dan il-kampjonat li fih se jintlagħbu żewġ rounds – l-Ewwel Round u t-Tieni Round.

Fl-Ewwel Round – (l-ewwel fażi), it-12-il team se jilagħbu kontra xulxin u għalhekk jilagħbu total ta’ 11-il partita. Fit-tieni fażi, it-timijiet se jinqasmu f’żewġ sezzjoni­jiet – fejn f’kull waħda, kull team jilgħab ħames partiti.

Il-klassifika fl-aħħar tal-Ewwel Round se tiġi nnotata iżda l-punti mbagħad imorru għal żero fit-Tieni Round.

Imbagħad, il-format tat-Tieni Round se jkun eżatt fuq l-istess binarji tal-Ewwel Round, jiġifieri, kull team jilgħab 16-il partita f’kull round, għal total ta’ 32 fl-istaġun.

Permutazzjonijiet tal-Kampjonat

L-ewwel xenarju huwa li l-istess team jirbaħ iż-żewġ rounds. F’dak il-każ, it-team jiġi ddikjarat awtomatikament champion u jikkwalifika għall-UEFA Champions League.

Jekk żewġ timijiet differenti jikklassifikaw it-tieni fiż-żewġ rounds, it-tnejn jikkwalifikaw għall-UEFA Conference League.

Jekk l-istess team jikklassifika bħala runner-up, dak it-team jikkwalifika għall-UEFA Conference League u jkun hemm play-off bejn iż-żewġ timijiet li jtemmu fit-tielet post biex jiġi determinat it-team l-ieħor biex jikkwalifika għall-UEFA Conference League.

It-tieni xenarju huwa meta żewġ timi­jiet differenti jispiċċaw l-ewwel fir-rounds rispettivi, u jispiċċaw it-tieni fl-ieħor. F’dak il-każ tintlagħab partita deċiżiva jew aħjar il-finali, biċ-champions jilagħbu fil-UEFA Champions League.

Min jitlef jieħu sehem  fil-UEFA Conference League

Jekk team itemm it-tielet kemm fl-ewwel round kif ukoll fit-tieni round, dak it-team jirrappreżenta lil Malta fil-UEFA Conference League. Min-naħa l-oħra, jekk żewġ timijiet differenti jispiċċaw t-tielet fir-rounds rispettivi, ikun meħtieġ play-off biex jiġi determinat min se jieħu sehem fil-UEFA Conference League.

Fit-tielet xenarju, hemm il-possibbiltà li żewġ timijiet jispiċċaw l-ewwel u t-tieni fir-Round tal-Ftuħ u żewġ timijiet diffe­renti jispiċċaw l-ewwel u t-tieni fir-Round tal-Għeluq, f’dan il każ tintlagħab il-Final Four.

Il-punti miġbura matul l-istaġun se jittieħdu in konsiderazzjoni għaż-żewġ semi- finali fejn l-aħjar team klassifikat jiffaċċja lit-team klassifikat fir-raba’ post f’semi-finali waħda u t-timijiet klassifikati fit-tieni u t-tielet postijiet jiffaċċjaw lil xulxin fis-semi-­finali l-oħra.

Ir-rebbieħa jaslu sal-finali u t-team li joħroġ  rebbieħ ikun iddikjarat champion u jirrappreżenta lil Malta fil-UEFA Champions League.

Il-finalisti telliefa jirrappreżentaw lil Malta fil-UEFA Conference League filwaqt li tintlagħab play-off bejn is-semi-finalisti telliefa biex jiġi determinat t-tielet post u l-parteċipazzjoni fil-UEFA Conference League.

Min-naħa l-oħra, f’każ li team itemm l-ewwel fl-ewwel round u t-tieni fit-tieni round u t-timijiet l-oħra li jtemmu t-tieni u l-ewwel ikunu timijiet differenti, ir-raba’ team għall-Final Four joħroġ mill-aqwa team fit-tielet post meta jitqies in-numru ta’ punti miksuba matul l-istaġun.

Se jkun hemm żewġ semi-finali u r-rebbieħ tal-finali jkun dikjarat champion u jirrappreżenta lil Malta fil-UEFA Champions League. Il-finalisti telliefa jirrappreżentaw lil Malta fil-UEFA Conference League filwaqt li play-off bejn is-semi-finalisti telliefa jiddetermina t-tielet post u l-parteċipazzjoni fil-UEFA Conference League.

Permutazzjonijiet tar-Relegazzjoni

Jekk l-istess żewġ timijiet itemmu fil-11 u t-12-il post kemm fir-round inizjali kif ukoll f’dak tal-Għeluq, allura ż-żewġ timijiet jiġu relegati awtomatikament.

Jekk team itemm fil-11 jew fit-12-il post fiż-żewġ rounds, dak it-team jiġi relegat awtomatikament. Min-naħa l-oħra, se jkun hemm play-off bejn iż-żewġ timijiet l-oħra li jispiċċaw f’wieħed mill-aħħar żewġ postijiet fir-rounds rispettivi.

Jekk erba’ timijiet differenti jtemmu fl-aħħar żewġ postijiet fir-rounds rispettivi, il-play-offs jiddeterminaw ir-relegazzjoni.

In-numru totali ta’ punti miksuba matul l-istaġun se jittieħed in konsiderazzjoni u l-aħjar klassifikati se jiffaċċjaw l-agħar klassifikati f’logħba deċiiva waħda  u dawk klassifikati fit-tieni u t-tielet post jiffaċċjaw lil xulxin f’logħba deċiżiva oħra.

It-telliefa taż-żewġ play-offs jiġu relegati.

Sport