Sunday, November 24, 2024

Jinħareġ it-tender għall-Imsida Creek Project … 60% tal-proġett iddedikat għal spazji pubbliċi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Infrastructure Malta lbieraħ ħabbret il-pubblikazzjoni tat-tender għall-Imsida Creek Project. Minbarra l-bini ta’ flyover li se telimina s-sistema tat-traffic lights, il-proġett se jinkludi wkoll faċilitajiet u modi alternattivi ta’ trasport aktar siguri, spazju għall-mixi u titjib u tisbiħ tal-inħawi fil-madwar.

Il-pjanijiet il-ġodda se jaraw li 60% tal-proġett tal-Imsida Creek ikunu dedikati għal spazji pubbliċi bil-għan li jinħoloq ambjent pjaċevoli għan-nies fiċ-ċentru tal-lokalità. Il-proġett jinkludi pjazza ġdida ta’ 2,200 metru kwadru quddiem il-Knisja Parrokkjali u kanal tal-ilma li jifforma parti minn pjan biex jiġi evitat l-għargħar fiż-żona. Dan il-kanal, ta’ 300 metru tul u sitt metri wisa’, se jkun imdawwar b’aktar minn 500 metru ta’ passaġġi għall-mixi f’żona magħżula għar-rilassament f’ambjent seren.

Id-disinn il-ġdid tat-triq se jelimina l-ħin ta’ stennija fit-traffic lights u jnaqqas il-ħin ta’ vvjaġġar u r-riskji tal-inċidenti tul din ir-rotta arterjali, filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-arja f’din iż-żona tal-Imsida u f’żoni residenzjali u rikreattivi oħra fil-madwar.

Il-flyover ta’ 200 metru f’dan il-proġett se tgħaqqad direttament Triq il-Marina ma’ Triq Mikiel Anton Vassalli, biex b’hekk jonqos l-impatt tat-traffiku f’dawn iż-żoni u anke l-promenades tal-Imsida.

It-titjib li se jkun qed isir f’din iż-żona, jifforma parti mill-impenn kontinwu ta’ Infrastructure Malta biex ittejjeb il-kwalità, l-effiċjenza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-infrastruttura tat-trasport fuq l-art. Dan filwaqt li tipprovdi l-kapaċità meħtieġa biex tegħleb l-isfidi preżenti u tissodisfa r-rekwiżiti futuri.

Sadanittant, l-Aġenzija wettqet Road Scheme Upgrade Assessment u Road Safety Audit biex tiżgura li dan it-titjib jaħseb biżżejjed għar-rekwiżiti tad-domandi attwali u futuri tat-trasport.

Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta se ttejjeb ukoll il-konnessjonijiet tat-trasport pubbliku tul din ir-rotta fejn is-servizz tal-karozzi tal-linja jintuża ħafna. Se jinbnew ukoll bankini usa’, flimkien ma’ spazju segregat għall-mixi u r-roti ħdejn il-baħar, li eventwalment se jgħaqqad Tal-Pietà ma’ Ta’ Xbiex u Triq il-Wied tal-Imsida.

F’dan il-proġett se jkun hemm faċilità ġdida ta’ parkeġġ b’115-il spazju filwaqt li ż-żona ta’ madwar il-Monument tal-Ħaddiema se tinbidel fi spazju miftuħ u aħdar, li se jkun qed jingħaqad mal-ġnien pubbliku eżistenti li wkoll se jiġi estiż.

L-ispazju miftuħ ġdid u l-estensjoni tal-ġnien se jkunu qed ikopru total ta’ 5,200 metru kwadru. Il-proġett jinkludi wkoll pjan għall-ilma tax-xita biex jiġi evitat għargħar fiż-żona li ilha titqies bħala problema għal diversi snin.

It-tender se jibqa’ miftuħ għal tliet xhur u se jkun segwit minn perjodu ta’ aġġudikazzjoni li mistenni jieħu bejn xahrejn u tliet xhur. Wara li jintgħażel dak li jkun ippreżenta l-aħjar offerta u jiġi ffirmat il-kuntratt, ix-xogħlijiet mistenni li jibdew fl-ewwel kwart tal-2024.

Sport