Monday, May 13, 2024

Is-sewwieq tal-mutur li tajjar mara fil-Fgura u baqa’ sejjer ma kellux liċenzja

… jammetti l-akkużi miġjuba kontrih

Aqra wkoll

Il-Qorti semgħet kif is-sewwieq tal-mutur li tajjar mara fil-Fgura u baqa’ sejjer, iżda li kien imwaqqaf minn pulizija off duty ftit tal-ħin wara, kien qed isuq mingħajr liċenzja.

Nicky Gauci ta’ 20 sena mill-Isla wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħu fosthom li weġġa’ lill-mara, li naqas milli jieqaf fuq il-post, saq vettura mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni u b’mod traskurat.

Fil-Qorti nstema’ kif il-Ħamis li għadda, Gauci kien qed isuq mutur tal-għamla Suzuki meta laqat lill-mara, ta’ 45 sena residenti ż-Żurrieq. Uffiċjal li kien off duty u li inzerta kien għaddej minn dawk l-inħawi lemaħ lis-sewwieq tal-mutur isuq minn fuq il-post u minnufih segwih bil-mutur personali tiegħu fejn minkejja li ordnalu kemm-il darba biex jieqaf dan baqa’ jsuq.

Il-Pulizija rnexxielu jwaqqaf lix-xufier billi ġibdu mill-flokk u żammu sakemm waslet iżjed assistenza. Il-mara ġiet iċċertifikata li ġarrbet ġrieħi ta’ natura ħafifa.

Fil-Qorti, id-Difiża talbet li qabel tingħata s-sentenza, isir pre-sentencing report fil-konfront tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni ma toġġezzjonax għal din it-talba.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, laqgħet it-talba. Sadanittant, Gauci ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,000.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kurt Farrugia u Antonello Magri mentri għall-imputat dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.

Sport