Fl-aħħar parti tal-intervista ma’ dan is-sit ftit jiem wara l-ewwel anniversarju mill- ħatra tagħha fil-Parlament Malti il-Ministru Miriam Dalli kelmitna dwar il-fatt li jinħass l-ispirtu intraprenditorjali fil-ġenerazzjoni żagħżugħa.
Għan-negattività tal-Oppożizzjoni rigward studju kkwotat riċentament mill-Oppożizzjoni li jgħid li 70 fil-mija taż-żgħażagħ ma jarawx futur f’pajjiżna, il-Ministru rreaġixxiet b’fatti oħra. “Minn stħarriġ riċenti tal-EY qiegħda nara li Gen-Z huma aktar inklinati li jkun entrepreneurs – u din hija trend li naraw tissaħħaħ kull sena. U dan it-tip ta’ mindset f’din il-ġenerazzjoni żagħżugħa tinħass aktar għax huma stess iħossu li għandhom spirtu aktar intraprenditorjali – skont l-istħarriġ tal-EY”, saħqet il-Ministru.
Żiedet tgħid li ż-żgħażagħ huma innovattivi. Anke jekk tħares lejn il-pjattaformi li qed jużaw fuq il-mezzi soċjali, diġà hemm tranżizzjoni minn dak li issa sar biex ngħidu hekk tradizzjonali.
Fakkret li sa issa, permezz tal-Malta Enterprise, ġew approvati 24 proġett ta’ startups li se joħolqu 430 impjieg ġdid u €12-il miljun f’investiment. Permezz tal-iStartUp Finance, ġew approvati €10 miljun f’assistenza, id-doppju tas-sena ta’ qabel. Dawn l-istartups jinkludu investiment differenti: għandek minnhom li huma investiment dirett barrani, oħrajn li huma Maltin, imma għandek investiment barrani fihom; għandek oħrajn li huma purament Maltin.
Nitbissem nisma’ l-PN jgħid li qed nikkopjawh, minflok niffoka fuq ħidmieti
Ma stajnix nistaqsuha dwar il-fatt li l-Oppożizzjoni ripetutament qiegħda tgħid li dan il-gvern qiegħed jikkopjalha l-proposti.
“Nitbissem meta nisma’ lill-Oppożizzjoni tgħid lill-Gvern qed jikkopjalha l-ideat. Dan kumment ta’ min ma għandux proposti u ma jafx fejn sejjer. Jekk ikolli naħseb li l-Partit Nazzjonalista verament jemmen li l-Gvern iqum filgħodu u jikkopja proposta, allura verament l-Oppożizzjoni tilfet kull kredibilità. Aħna ma nitfgħux l-affarijiet fl-arja biex imbagħad wieħed jirrealizza li se tagħmel aktar ħsara milli ġid. Bħalma kien se jiġri bil-proposta tal-partit nazzjonalista fuq il-kontijiet tad-dawl pereżempju li bis-sistema li pproponew riedu jgħollu l-kontijiet għal ħafna nies u jipperikolaw l-eco-contribution. Qalulna wkoll li kkuppjajnihom fuq il-liġi tal-kannabis biex mbagħad ħarġu kontra l-istess liġi. Kif tista’ n-nies toħodhom bis-serjetà?”, staqsiet Dalli.
Hija sostniet li b’differenza mill-Oppożizzjoni l-proposti mressqin mill-gvern huma proposti studjati u analizzati.
Il-Ministru temmet tgħid magħna li tippreferi tiffoka fuq il-ħidma tagħha, fuq il-ħidma tal-Partit Laburista biex dan ikompli jkun il-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin, biex jaħdem għall-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ, biex ikompli jkun ta’ wens għall-anzjani, iżda fuq kollox biex ikompli jimplimenta dawk il-miżuri li jagħmlu lil Malta pajjiż sostenibbli, pajjiż isbaħ, pajjiż b’aktar opportunitajiet.