Friday, November 15, 2024

Jinħatru 25 Kuntistabbli tal-Pulizija ta’ Riserva fosthom tmien nisa

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ingħataw il-ġurament tal-ħatra 25 Kuntistabbli ta’ Riserva, 17-il raġel u 8 nisa. Dawn huma uffiċjali li kienu fil-Korp tal-Pulizija jew membri ta’ xi Korp dixxiplinat ieħor. Bil-ħatra ta’ dawn il-25 RPC’s, it-total ta’ RPC’s fi ħdan il-Korp tal-Pulizija huwa ta’ 191.

Għaċ-ċerimonja tal-ħatra attendew il-Kmandant tal-Akkademja tal-Forzi Dixxipplinati s-Sinjura Karen Galea; il-Ministru għall-Intern, Sigurtà, Riformi u l-Ugwaljanza, Dr Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà.
Dawn il-Kuntistabbli ta’ Riserva ngħataw taħriġ fl-Akkademja tal-Forzi Dixxipplinati f’Ta’ Kandja, u kien jinkludi fost oħrajn d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; proċeduri ta’ kontroll u trażżin; l-użu tal-armi; is-saħħa mentali; informazzjoni dwar il-liġijiet ta’ Malta; kif ukoll tagħrif dwar il-Pulizija tal-Komunità; protezzjoni tad-data; vjolenza abbażi ta’ sess, vjolenza domestika; kif ukoll kif għandhom jgħinu lill-vittmi tal-kriminalità; customr care; u kors fl-ewwel għajnuna, fost oħrajn.

Il-Ministru Dr Byron Camilleri indirizza lill-membri l-ġodda fejn qal li b’differenza minn meta ngħaqdu mal-Korp tal-Pulizija jew f’xi Korp Dixxipplinat ieħor l-ewwel darba, illum dawn il-Kuntistabbli ta’ Riserva huma differenti għax ghandhom l-esperjenza, kemm bħala esperjenza fix-xogħol kif ukoll fl-att uman.

Il-Ministru Camilleri qal ukoll li minbarra li diġa’ bdew id-diskussjonijiet mal-unjins tal-Pulizija dwar il-Ftehim Kollettiv ġdid, fakkar fl-impenn tal-Gvern li kif imħabbar fl-aħħar baġit, se jitħabbru l-inċentivi fejn tidħol it-tishih tal-pensjoni tas-servizz kif ukoll il-kunċett ta’ pensjoni tas-servizz lir-romol ta’ uffiċjali fil-forzi dixxiplinati li jkunu ġew nieqsa waqt is-snin ta’ servizz.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà qal li l-għan ta’ dan ir-reklutaġġ ta’ Kuntistabbli tar-Riserva huwa biex il-Korp tal-Pulizija ikompli jagħti servizz professjonali lill-pubbliku. Dan ukoll permezz tat-taħriġ li ngħataw qabel l-ingaġġ tagħhom sabiex jerġgħu jifhmu l-funzjonijiet bażiċi tal-Korp tal-Pulizija u anke biex tkompli tissaħħaħ il-fiduċja tan-nies fil-Korp.

Huwa qal li l-pubbliku diġa’ qiegħed jirrikoxxi din il-ħidma u fakkar fl-aħħar stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Ewrobarometru, fejn reġa’ kien hemm żieda fil-fiduċja tal-poplu fil-Korp tal-Pulizija. Qal ukoll li l-istrateġija li nieda l-Korp tal-Pulizija qiegħda tħalli impatt għax anke ġie rrapportat tnaqqis fir-rata tal-krminalità.

Ekonomija

Sport