Sunday, December 22, 2024

Jinqerdu mijiet ta’ karozzi kaġun tan-nirien li ħakmu parkeġġ enormi fl-Ajruport ta’ Luton

Aqra wkoll

Nirien kbar li ħakmu f’parkeġġ tal-Ajruport ta’ Luton f’Londra wasslu biex qerdu mijiet ta’ karozzi li kienu jinsabu f’dan il-parkeġġ. Barra minn hekk, it-titjiriet kollha minn u lejn l-Ajruport ġew sospiżi.

Jidher li n-nirien li seħħew fl-Ajruport kienu kkawżati minn karozza li ħadet in-nar, b’filmati juru l-fjammi li ħakmu partijiet kbar tal-parkeġġ ta’ ħafna sulari.

Fuq il-post intbagħtu madwar 100 uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Erbgħa minnhom flimkien ma’ uffiċjal tal-Ajruport stess kellhom jittieħdu l-isptar minħabba l-ammont ta’ duħħan li belgħu. Dan filwaqt li uffiċjal ieħor tas-salvataġġ ingħata trattament mediku fuq il-post.

L-Awtorità tal-Ajruport ta’ Luton ikkonfermat li bħalissa t-titjiriet kollha huma sospiżi sakemm is-servizzi ta’ emerġenza jirnexxilhom jikkonttrollaw u jitfu n-nirien fit-Terminal Car Park 2. Għaldaqstant, l-aċċess għall-Ajruport bħalissa huwa ristrett u n-nies intalbu ma jivvjaġġawx lejn l-Ajruport f’dan il-mument. Passiġġieri li kienu diġà abbord ajruplani fuq it-tarmak intalbu jinżlu minn fuq l-ajruplan u ġew infurmati li l-Ajruport kellu jingħalaq.

Intant, mara li rat il-fjammi tan-nirien jiżviluppaw qalet li l-parkeġġ “sploda fi fjammi” u ddeskriviet ix-xena bħala “waħda tal-biża’”. Xhieda oħra rrappurtaw fuq il-midja soċjali li toroq qrib l-Ajruport huma wkoll magħluqa.

Ekonomija

Sport