Fit-Tramuntana tal-Polonja, qrib ħafna ta’ fejn kien hemm il-kamp tal-konċentrament Nażista Soldau, instab qabar tal-massa li fih xejn inqas minn 17.5 tunnellati ta’ rmied uman.
Tomasz Jankowski mill-istitut Pollakk li jfakkar il-vittmi tal-ġenoċidju Nażista qal li f’dan il-qabar hemm minn tal-inqas 8,000 vittma. Skont l-evidenza miġbura minn fuq il-post, jidher li n-Nażisti kienu taw in-nar lil dawn il-katavri bil-għan li jaħbu l-evidenza ta’ dak li kienu qed iwettqu. Ġewwa l-kamp tal-konċentrament Soldau n-Nażisti qatlu Lhud, rivali politiċi kif ukoll persuni mill-klassi għolja tal-Polonja.
Hu mifhum li f’dan il-kamp tal-konċentrament inqatlu xejn inqas minn 30,000 persuna u wara din is-sejba x-xjentisti qegħdin jaraw hux possibbli li jiġu estratti kampjuni tad-DNA biex b’hekk jintefa’ iktar għarfien fuq il-vittmi.
L-arkeologi li għamlu din is-sejba makabra sabu mijiet ta’ traċċi ta’ ħwejjeġ, buttuni u oġġetti oħrajn li ma għandhomx valur u dan huwa turija ċara li l-katavri kienu misruqa mill-oġġetti prezzjoni qabel inħarqu.