Dalgħodu d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali reġa’ kien involut fi spezzjoni konġunta mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, din id-darba f’residenza f’Ħal Qormi.
Animal Welfare spjegat li sfortunatament, hemmhekk instabet barumbara b’ħamiem tat-tiġrija li kienu tħallew f’kundizzjoni ta’ negliġenza serja. Aktar minn 50 ħamiema nstabu mejta, u 4 biss kienu għadhom ħajjin. Dawn ġew ikkonfiskati minnufih u ttieħdu għand veterinarju, qabel jingħataw post sigur fejn jieħdu l-kura meħtieġa.
Animal Welfare żiedet tgħid; “Is-sid ser jitressaq il-Qorti. Nirringrazzjaw lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali tal-kollaborazzjoni kontinwa tiegħu, kif ukoll lill-uffiċjali tal-Animal Welfare tax-xogħol siewi tagħhom. Dawn l-uffiċjali jaraw każijiet ta’ moħqrija u negliġenza kuljum, iżda xorta jibqgħu jaħdmu b’serjetà, ħniena u determinazzjoni”.
Tenniet tgħid li każijiet bħal dawn juru kemm hu importanti li kull suspett ta’ negliġenza jiġi rrappurtat minnufih.


