Matul il-ġurnata tal-lum, hekk kif il-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia daħal fis-19-il jum tiegħu kompla jagħti x-xhieda tiegħu Johann Cremona li kien ħabib kbir ta’ Melvin Thuema.
Matul is-seduta ta’ filgħodu nstemgħu diversi rekordings dwar disskussjonijiet li saru bejn Cremona u Theuma fejn ix-xhud kemm-il darba intalab jispjega x’kien ried jgħid f’dik it-telefonata partikolari.
F’wieħed mir-recording Theuma jinstema jgħid li minħabba dak li ġara ma kienx jista’ jorqod bil-lejl, filwaqt li Cremona jgħidlu biex jinħeles minn kollox. Fix-xhieda tiegħu Cremona kien jgħid li kien joqgħod jisma’ li Theuma ta’ kuljum minħabba li l-akkużat Yorgen Fenech ma kienx għadu jkellmu. Ix-xhud wara li nstema’ dan ir-recording jiskuża ruħu għall-fatt li fir-recording jinstema’ jagħti x’jifhem li xi Maġistrat kien mixtri. Fil-Qorti llum jgħid li lanqas biss kien jaf min hu l-Maġistrat, għaldaqstant skuża ruħu.
Fil-Qorti saret referenza wkoll għal meta Melvin kien qal lil Cremona li Yorgen Fenech kien imwerwer minħabba biża’ li xi ħadd jibda jikxef. Mistoqsi mill-Prosekuzzjoni, Cremona jgħid li lil Kenneth Camilleri ilu ma jkellmu bejn ħames u sitt snin.
F’din il-konversazzjoni jinstema’ kif Yorgen Fenech kien tħawwad minn meta sar jaf bir-recordings ta’ Theuma. Hawn jissemma’ kif Cremona jgħid lil Melvin biex dwar il-flus jitkellem ma’ Fenech, dan għaliex ma setax jifhem kif Fenech ma kienx qed ikellmu lil Theuma.
Għal għadd ta’ domandi mill-Prosekuzzjoni, Cremona jgħid li ma jafx u ma jiftakarx dak li kien qal fir-recordings. Però jgħid li Edwin Brincat magħruf bħala “l-Ġojja” li dan inżamm f’bozza. Cremona jgħid li “l-Ġojja” kien se jmexxi lil Theuma fit-triq it-tajba għax kien onest, biex ma jinqabadx.
Iżda kompla jixhed Cremona li ma wasslu fl-ebda triq. Ix-xhud jispjega lil Theuma kien jgħidlu biex ma jmurx aktar għand Mario Degiorgio, ħu l-aħwa Degiorgio, biex ma jaqlax iktar inkwiet.
Waqt ix-xhiedha Cremona jitkellem ukoll dwar camera li kien hemm quddiem il-ħanut taz-zijuh, li kienet tagħti fuq ir-residenza ta’ Mario Degiorgio.
Jispjega kif Melvin kien għamel rapport dwarha fl-għassa iżda ma kisibx informazzjoni. Cremona jixhed ukoll li kien beżża’ lil Theuma li kien hemm xi microphone mal-camera. Skont Melvin din il-camera kienet twaħħlet mis-‘Secret Service’ għax kienet twaħħlet fejn jiffrekwenta hu.
F’wieħed mir-recordings jinstema li Cremona kien iltaqa’ ma’ Kenneth, iżda fil-Qorti ċaħad dan kollu. Ikompli jgħid li jekk wieħed jisma t-ton li bih jitkellem Theuma jinduna li kellu biżżejjed poter.
Għaldaqstant, jargumenta li ma kellhomx bżonnu u minflok kienu qed jilgħabuh logħba. Jgħid li Theuma kien imur ikellmu biex idaħħlu fin-nasba. Jixhed li mhux komdu bis-sitwazzjoni għaliex qiegħed ikun difensiv f’kull meta qed jintalab isemmi isem Fenech.
Il-Prosekuzzjoni ssaqsi wkoll lix-xhud dwar xi flus, li Melvin qal kien ried jagħti lil Brincat, f’pagamenti ta’ €5,000 kull darba, €16,000 b’kollox.
Cremona jixhed li l-flus aktarx kienu biex Brincat jgħaddihom lil Kummissarju biex dan tal-aħħar isiefer bihom. Minn din il-konversazzjoni jingħata x’jifhem li Theuma ried iħallas hu imma Brincat qallu li ma jridhomx mingħandu. Cremona jixhed li ftit tal-ġranet qabel dan ir-recording Theuma kien qed jgħidlu kollox, imbagħad waqt ir-recording beda jistaqsi kollox mill-ġdid biex Cremona jimplika aktar nies.
Cremona jgħid li beda jibża’ għaliex ma’ “Antonio” li ma jiftakarx kunjomu, kellu xi ritratti għaliex kien joħroġ bid-dgħajsa u jiekol miegħu. Jgħid li “Antonio” m’għandux x’jaqsam ma’ dan il-każ u kien semmieh fl-istess sentenza ma’ George Degiorgio fis-saħna tal-mument.
F’recording ieħor Cremona jinstema’ jitkellem dwar il-kumpanija li kienet qed tfalli. Jinstema’ li Cremona kien insteraq madwar ‘450’ ma jagħtix indikazzjoni ta’ x’inhu eżatt l-ammont. Iżda jgħid li dan ma kellux x’jaqsam mal-każ u kien qal biha lil Theuma għax kien għadu kif jinduna b’dak li kien ġara.
Cremona jkompli jixhed li f’dan iż-żmien hu kien idejjaq bis-sitwazzjoni għaliex fost l-oħrajn kien ikellem lil Fenech u dan tal-aħħar kien iwieġbu ġranet wara. Għaldaqstant, Cremona kien qal lil Theuma biex la darba joħroġ minn dan il-każ jispiċċa kollox u jkompli jgħix ħajtu. Jispjega kif l-affarijiet dwar in-negozju m’għandhomx x’jaqsmu ma’ dan il-każ.
Mistoqsi dwar il-fatt li filwaqt li kien xeba’ minnu kien jgħid lil Theuma biex ma jixhidx, Cremona jispjega li li kieku Theuma xehed kien se jbati minħabba li kien fin-negozju ma’ Fenech.
F’wieħed mir-recordings Theuma nstema jgħid li sab bniedem. Ix-xhud jgħid li ma jafx għal min qed jirreferi. Cremona jgħid li Theuma kellu kuntatt ukoll mal-avukat Arthur Azzopardi, li kien l-avukat ta’ Vince Muscat, il-Koħħu. Ix-xhud jixhed ukoll li kieku kien se jagħmel xi ħaġa ma’ Azzopardi, kien se jagħmilha għal Theuma u mhux għal Schembri u Fenech.
Cremona jgħid li għal biċċa oħra tar-recording kien qed “iparla vojt” fuq Fenech.
Intqal kif Theuma kien qallu la ma riedx imur iktar bil-flus, għaldaqstant ried li jqabbad lil ħaddieħor. Jgħid li Theuma kien iċempel lil Fenech għall-flus, b’dan tal-aħħar ma kienx ikellmu u Theuma kien jirrabja sakemm jikkalma. Jixhed ukoll li Theuma kien imxebba mill-lavrant ta’ Fenech, ‘Roman’. Fir-recordings issemma’ li ‘dak ħa l-casino’ iżda Cremona ma jiftakarx għalxiex kien qed jgħid.
Tissemma’ wkoll li kienet ġejja ‘maltempata oħra’ dan qal b’referenza għar-raid. F’dan ir-recording jissemma’ wkoll Chris Cardona, iżda Cremona jgħid li ma jafx għalxiex semmih, iżda jgħid li dan kien dak li kien ried jisma’ Theuma. Cremona qal li kien idaħħallu n-nies f’moħħu, filwaqt li jiskuża ruħu magħhom, dan kien qed jagħmlu biex Theuma jisma’ dak li jrid jisma’.
F’recordings ieħor issir referenza għall-Assistent Kummissarju, Keith Arnaud, li b’xi mod għadda xi informazzjoni mill-inkjesta marbuta ma’ dan il-każ. Dan bħala parti mill-istess bluff, biex Theuma jisma’ dak li jrid, f’din il-parti tar-recording jinstema’ wkoll l-avukat David Gatt bl-istess mod u Chris Cardona.
Il-ġuri jkompli…
