L-inkjesta interna ma sabet l-ebda prova ta’ attività kriminali relatata mal-użu ta’ laptop fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Aqra wkoll

L-inkjesta interna maħtura mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield dwar l-użu illeċtu ta’ laptop fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma sabet l-ebda prova li tappoġġja l-allegazzjonijiet ta’ attività kriminali li kienu saru.

L-inkjesta, immexxija mill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, ikkonkludiet li għalkemm ma nstabet l-ebda evidenza ta’ attività kriminali, ġew identifikati nuqqasijiet fil-proċeduri operazzjonali relatati mal-użu ta’ apparat elettroniku fil-faċilità. Minħabba li dawn il-konklużjonijiet jikkonċernaw aspetti ta’ operat sensittiv tas-sigurtà tal-Faċilità Korrettiva, ir-rapport sħiħ mhux se jiġi ppubblikat.

L-inkjesta stabbiliet li l-priġunier involut kien ingħata permess juża laptop fiċ-ċella tiegħu f’Mejju tal-2024. Skont il-proċeduri fis-seħħ, f’każijiet bħal dawn il-portijiet USB għandhom jiġu ssiġillati u l-konnettività tal-Wi-Fi diżattivata.

Mill-investigazzjoni rriżulta li f’xi stadju nkisru dawn ir-regolamenti meta tneħħew b’mod abbużiv is-siġilli, u b’hekk il-priġunier seta’ jagħmel użu mill-internet. Analiżi preliminari tal-laptop uriet ukoll li fuqu kien hemm numru konsiderevoli ta’ films pornografiċi li kienu tniżżlu mill-internet.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Bord hemm l-introduzzjoni ta’ policies aktar ċari dwar l-użu ta’ laptops minn persuni fil-ħabs, inkluż l-obbligu li ssir valutazzjoni tar-riskju qabel jingħata kwalunkwe permess għall-użu tagħhom. 

Ġie rakkomandat ukoll li jsiru spezzjonijiet regolari fuq laptops u apparat elettroniku ieħor sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet imposti jkunu qed jiġu osservati, kif ukoll li jiġi stabbilit protokoll ċar dwar kif għandhom jiġu indirizzati każijiet ta’ din in-natura.

Il-Ministru Glenn Bedingfield għadda kopja tar-rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jieħu konjizzjoni tiegħu fil-kuntest tal-investigazzjoni li għaddejja. Huwa rringrazzja lill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi u lill-membri tal-Bord għax-xogħol tagħhom, kif ukoll lill-uffiċjali korrettivi li permezz tal-intervent tagħhom instab l-użu illeċtu tal-laptop.

Il-Ministru Bedingfield qal, “L-allegazzjonijiet ta’ attività kriminali li saru rriżultaw kollha infondati. Xi wħud għal darb’oħra għaġġlu jaslu għal konklużjonijiet għal skopijiet partiġġjani. Issa li għandi dan ir-rapport f’idi, se nkun qed nevalwa bir-reqqa r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u nieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex inkomplu nsaħħu l-proċeduri u s-sigurtà fil-Faċilità Korrettiva.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport