Sunday, June 21, 2026

Jintlaħaq ftehim għall-provvista tal-Liquified Natural Gas

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għalaqna ftehim mal-BP għall-provvista tal-Liquified Natural Gas għall-powerstation tagħna. Hija ditta ta’ reputazzjoni internazzjonali. Waħda mill-akbar ditti fis-settur tal-enerġija madwar id-dinja. Li se jiżguralna sigurtà tal-provvista bi prezz li huwa wieħed kompetittiv u tajjeb. Huwa ftehim li se jeħodna sal-aħħar ta’ Mejju tas-sena d-dieħla. Imbagħad jibqgħu għaddejjin b’mod parallel ftehimiet u forom ta’ akkwist pubbliku biex niżguraw li nibqgħu nassiguraw l-aħħar prezzijiet.”

Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburisat Robert Abela f’kollegament fuq PaperScan fuq ONE, il-Ħadd filgħodu, fejn sellem lill-Enemalta u lill-Ministru Miriam Dalli għall-mod diliġenti li bih għalqu dan il-ftehim. Dr Abela fisser kif dan huwa ftehim adattat fiċ-ċirkostanzi partikolari fejn hemm volatilità kbira fis-suq internazzjonali. “Għamilna ftehim li huwa wieħed tajjeb. Dan juri meta inti tkun deċiżiv sa mill-ewwel sigħat.”

“Din hi leġiżlatura li fiha ħafna sfidi”

Mistoqsi dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-Parlament, Dr Abela qal li dan kien jum importanti ferm li minnu joħroġ messaġġ importanti ħafna, filwaqt li li dan kien l-iqsar żmien meta l-Parlament reġa’ fetaħ wara elezzjoni ġenerali. “Ridt nibgħat messaġġ li din hija leġiżlatura li fiha ħafna sfidi,” qal il-Prim Ministru.

“Jekk wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni ġeopolitika, għandek żviluppi kbar ma’ kull siegħa, sitwazzjoni internazzjonali li forsi ilna snin twal ma naraw bħalha fil-mod kif eskalat u l-mod kif qiegħda tinbidel ta’ kull siegħa. U għalhekk jiena nemmen li minn kull sfida, kif għamilna fil-passat, dejjem irnexxielna noħolqu ħafna opportunitajiet.”

Dr Abela qal li għal darba oħra reġa’ għandna din l-opportunità quddiemna. Tenna li filwaqt li għandna dawn l-isfidi fuq naħa, jara element ta’ pożittività fuq in-naħa l-oħra. “Għandek manfiest li hu l-aktar wieħed ambizzjuż li qatt kellu moviment politiku. Manifest li fih il fuq 1,000 miżura. Xogħolna hu li dawn il-proposti isiru jinqalbu f’kisbiet għall-poplu.”

Il-Prim Ministru tkellem dwar ir-riforma fil-qasam tal-IVF, b’mod partikolari fuq il-PGTM. Semma li filwaqt li sar ħafna xogħol f’dan il-qasam, għad hemm min ikollu jsiefer barra l-pajjiż biex ikollu l-opportunità li jsir ġenitur.

“Waħda mill-ewwel proposti leġiżlattivi li se nressqu ’l quddiem hi dik li tindirizza lill-familja fin-nukleu tagħha. Kull koppja għandha l-jedd li tuża l-mezzi teknoloġiċi u xjentifiċi kollha li jeżistu biex itejjeb l-opportunità tagħha li ssir ġenitur u l-Istat għandu l-obbligu fuqu li jipprovdihom dawk il-mezzi kollha. Xogħolna hu li din titwettaq fl-ewwel mitt ġurnata u nagħtu opportunità usa’ lil aktar koppji biex isiru ġenituri f’Malta,” tenna l-Prim Ministru.

Dwar ir-riforma fl-appelli tal-ippjanar, Dr Abela qal li kien ċar meta qal li fl-ewwel mitt jum se jressqu l-proċess leġiżlattiv li bih jara li meta permess tal-ippjanar għadu mhux eżegwibbli, ma jkunx jista’ jibda jiġi utilizzat. Qal li biex jinżamm il-bilanċ, se jiddaħħlu termini stretti ta’ żmien li fihom dak l-appell irid jinqata’.

Barra minn hekk, il-Prim Ministru semma li jkunu qed jiddaħħlu riformi oħra fil-qasam tal-ugwaljanza li permezz tagħhom, Malta se terġa’ lura fil-quċċata tal-ILGA Europe Rainbow Map Equality Index.

Għalhekk huwa tenna li ċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali tal-Parlament mhux biss kienet waħda simbolika, iżda turi d-determinazzjoni ta’ dan il-Gvern u l-għatx li għandhom għax-xogħol. Min-naħa l-oħra, huwa nnota kif il-Partit Nazzjonalista għadu lanqas ħatar ix-Shadow Cabinet tiegħu.

“Se nkunu qed naħdmu f’din il-leġiżlatura aktar minn qatt qabel”

Il-Prim Ministru kompla jgħid: “Tlaqna għal għonq it-triq. Kburi bil-Grupp Parlamentari li għandna. Xogħli issa li l-poplu tagħna dak il-mandat b’saħħtu, huwa li nwettaq. Dik hi wegħda li se nibqa’ nagħmel mal-poplu. Li se nkunu qed naħdmu f’din il-leġiżlatura aktar minn qatt qabel.”

Dr Abela qal ukoll li bejn it-30 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Lulju, il-Partit Laburista se jlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali fejn irid jintbagħat sinjal strateġiku ta’ lejn fejn iridu jibqgħu sejrin bħala partit u tal-proċess ta’ tiġdid li jridu jibqgħu jagħmlu.

“Ninsab sodisfatt bl-andament fl-ewwel ġimgħat ta’ din il-leġiżlatura u nagħti kelma ċara lill-poplu li se nżommu dan ir-ritmu u saħansitra nżiduh,” qal il-Prim Ministru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport