Sunday, October 27, 2024

Jintlaħaq qbil biex l-Ukrajna titħalla tesporta l-qamħ

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-Turkija żvelat li kien intlaħaq qbil mar-Russja li jippermetti lill-Ukrajna tesporta l-qamħ mill-Baħar l-Iswed. L-Ukrajna hija waħda mill-akbar produtturi tal-qamħ fid-dinja iżda l-flotta navali Russa bħalissa mhix tħalli lill-Ukrajna tittrasporta qamħ u esportazzjonijiet oħra ta’ ċereali.

Ir-Russja ilha timblokka l-portijiet ewlenin tal-Ukrajna, partikolarment tal-Baħar l-Iswed, iżda r-Russja dejjem ċaħdet li qed tagħmel dan. 

Madwar 20 miljun tunnellata ta’ qamħ li huwa ferm meħtieġ madwar id-dinja jinsabu staġnati f’silos fil-port Ukren ta’ Odessa.

Huwa mifhum li l-ftehim biex jerġgħu jibdew l-esportazzjonijiet jeħtieġ waqfien mill-ġlied fuq il-baħar  u li r-Russja ma tibqax timmira lejn il-portijiet waqt li l-vjaġġi jkunu fi tranżitu kif ukoll li bastimenti Ukreni jitħallew jiggwidaw bastimenti tal-merkanzija fil-Baħar l-Iswed u l-madwar li fihom tpoġġew mini u splussivi oħra. 

Dan kollu se jkun ikkoordinat mit-Turkija, li kienet medjatur bejn iż-żewġ naħat. Jekk dan il-ftehim jirnexxi, tkun seħħet rebħa rari għad-diplomazija fi gwerra brutali li issa daħlet fis-sitt xahar tagħha.

In-nuqqas dinji ta’ qamħ Ukren kaġun tal-invażjoni tar-Russja fl-24 ta’ Frar ħalla miljuni ta’ nies f’riskju ta’ ġuħ. Il-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU wissa li n-nuqqas li jinfetħu l-portijiet tal-Ukrajna se jirriżulta f’ġuħ kbir għal bosta popli tant li bosta pajjiżi tal-Lvant Nofsani u l-Afrika kienu l-iktar li ntlaqtu mill-iskarsezza tal-qamħ.

L-Ukrajna tibqa’ kruċjali għall-provvista tal-ikel fid-dinja.

Sport